'Mhu se nħalli lil ħadd jinqeda' bil-pożizzjoni tiegħu biex jattakka fuq il-midja soċjali' - Grech

Bernard Grech jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni ... jgħid illi se jiltaqa' ma' dawk kollha li jħossuhom imweġġgħin biex jaħdmu 'għall-partit u għall-pajjiż'

Bernard Grech dieħel il-Palazz ta' San Anton għall-ġurament tal-ħatra
Bernard Grech dieħel il-Palazz ta' San Anton għall-ġurament tal-ħatra

Bernard Grech wara nofsinhar, għas-1:30 p.m, ħa l-ġurament tal-ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni.  Dan wara li s-Sibt li għadda l-istess Grech rebaħ elezzjoni interna fost it-tesserati b'69.5% tal-voti jew 12,663 vot. 

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li sar uffiċjalment Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamilha ċara - għall-mistoqsiija ta' ġurnalist mill-Maltatoday - li mhu se jħalli lil ħadd juża l-pożizzjoni tiegħu fil-partit biex jattakka jew jiddefendi mill-attakki u reġa sostna  - kif kien qal f'intervista mal-gazzetta ILLUM - illi fejn ikun hemm bżonn juża d-dixxiplina.  

"Mill-bieraħ stess bdejt u se nkun qed naħdem biex kulħadd jifhem illi kulħadd huwa deputat tal-istess partit," saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Huwa qal illi jinnota li kien hemm min irritorna t-tessera, bħal ma kien hemm - skont hu - 100 tessera ġdida minn nhar il-Ħadd.  Filwaqt li ammetta li dan mhuwiex soljev wiegħed li se jkun qed jibda ħidma biex jitkellem ma' dawk kollha li jħossuhom mweġġgħin biex, fi kliemu, "jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż u tal-partit." 

Wara li Grech sar uffiċjalment Kap tal-Oppożizzjoni u wara li wiegħed li se jaqdi dmiru lejn il-pajjiż il-President tar-Repubblika George Vella awgura suċċess lil Grech u lill-PN filwaqt li awguralu li verament jikseb il-wegħda tal-għaqda.  "Se nserraħ fuq il-ħidma tiegħek biex tonqos il-pika politika xi ftit.  Il-battibekki politiċi se jibqgħu magħna imma għandhom isiru b'dinjità u bir-rispett.  Kummenti dispreġġjattivi għandhom jitwaqqfu għax ma huma qed jagħmlu ebda ġid lid-demokrazija," qal il-President Vella.  

Il-President fakkar li Oppożizzjoni b'saħħita hija neċessarja f'kull pajjiż, inkluż f'Malta u l-Oppożizzjoni m'għandhiex toqgħod lura fuq materji ta' natura nazzjonali u anke kontroversjali. 

 

More in Politika