Filmat | 'Jiena ma rrid nitlef lil ħadd mill-PN ... hekk biss ikollna partit b'saħħtu u Gvern alternattiv'

Qed iwiegħed l-għaqda, qed jaqla' ħafna kritika minn ġewwa u mill-avversarju, ma ħallasx it-taxxa għal snin imma mbagħad ħallasha u jemmen verament li jista' jagħti lill-Partit Nazzjonalista lura b'saħħtu u lest biex ikun fil-Gvern ...

Bernard Grech, Kandidat għal elezzjoni Kap tal-PN
Bernard Grech, Kandidat għal elezzjoni Kap tal-PN

Bernard Grech mhuwiex wiċċ ġdid għan-Nazzjonalisti u dawk li jsegwu x-xena politika lokali, imma minkejja dan bosta li forsi mhumiex se jivvutawlu jew inkella għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw, jaraw illi forsi għaġġel.  Hemm oħrajn li jsostnu li kellu jistenna sal-elezzjoni qabel jitfa' ismu u hemm oħrajn li saħansitra jħossu li tradixxa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista.  Meta jmur f'dar u jgħidulu hekk, hu kif jirrispondihom lit-tesserati?

Hu jibda billi jfakkar li ilu snin attiv fil-politika, imma mhux fl-istrutturi tal-partit.  Jgħid li tant huwa hekk illi iktar pparteċipa f'dibattiti mal-Prim Ministru tal-lum Robert Abela, milli kellu Delia, li fil-fatt qatt ma ltaqa' mal-Prim Ministru, fuq il-midja wiċċ imb'wiċċ f'dibattitu. 

Aqra l-intervista li l-gazzetta ILLUM kellha mal-Kap kurrenti u kandidat fl-istess elezzjoni Adrian  Delia

'Jiena ma niddejjaqx li naħraq il-karriera politika ... li qed nagħmel, qed nagħmlu għall-PN'

"F'Jannar li għadda iddeċidejt li nagħmel il-pass li nidħol fil-Partit Nazzjonalista u naċċetta li nkun kandidat u wara anke li nkun parti mill-clusters tal-partit.  Għamilt dan," kompla jgħid Grech mal-ILLUM, "għax il-partit kellu bżonn l-għajnuna u uċuħ ġodda."

Dwar il-fatt li huwa kandidat huwa qal illi ladarba il-Kunsill Ġenerali - l-ogħla organu tal-PN - iddeċieda li jmur għall-għażla tat-tesserati, "jiena ma ħassejtx li kelli nistenna l-affarijiet jeħżienu aktar.  Imma ħassejt li ladarba saret id-deċiżjoni jiena għandi inservi lit-tesserati, inservi lin-Nazzjonalisti u inservi wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.  Biex insiru verament Gvern alternattiv."

Il-gazzetta staqsiet lil Grech iżda huwiex konxju li jekk il-PM isejjaħ elezzjoni bikrija, kif għandu kull dritt jagħmel, u l-PN jitlef b'aktar minn 40,000 vot - li hija possibilità -  hu se jkun ħaraq il-karriera politika tiegħu!  Ma ħax dan in kunsiderazzjoni?  F'erba' xhur m'għandux ċans jirranġa l-feriti kbar li għandu l-PN.  Jekk jitlef b'aktar minn 40,000 vot jirriżenja?

jiena ma niddejjaqx li naħraq il-karriera politika tiegħi. Jiena dan li qed nagħmel, qed nagħmlu għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiżi Bernard Grech

Grech jiċċara illi skont l-aħħar sondaġġ xjentifiku - dak tal-Mediatoday - id-distakk fil-fatt huwa ta' 53,000 vot bħalissa u jfakkar li jekk se nużaw is-sondaġġi bħala riga, din ir-riga għandha tintuża dejjem.

"Issa jiena ma niddejjaqx li naħraq il-karriera politika tiegħi.  Jiena dan li qed nagħmel, qed nagħmlu għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiżi.  Għalkemm nittama li l-Prim Ministru Robert Abela jieħu d-deċiżjoni illi hija fl-aħjar interess tal-pajjiż, mhux tal-partit."

Grech saħaq li se jaħdem fuq pjan imfassal għal biżżejjed żmien biex il-partit jingħaqad u jiġi fuq saqajh. 

"Jiena nemmen li n-nies se jgħarfu illi jekk issir kmieni l-elezzjoni mhux se jkun hemm biżżejjed żmien biex jitwettaq dan il-pjan u jekk issir kmieni nemmen illi jgħarrfu dan u nkomplu bil-ħidma.  Jekk nitħalla mmexxi - kif se nibda nagħmel mill-ewwel - inressqu nies ġodda 'l quddiem fil-partit biex jagħtu sehemhom."

'Qed nistenna apoloġija mill-Prim Ministru ...'

L-intervista ddur fuq ir-realtà tal-Covid-19 bħalissa b'diversi mwiet ta' anzjani - għaxra b'kollox  - bejn il-Ħadd li għadda u nhar il-Ġimgħa filgħaxija.  Imma fir-realtà ma kinitx inevitabbli li se tidħol fi djar tal-anzjani?  Kieku hu kien Prim Ministru x'kien jagħmel differenti?
Huwa beda billi esprima sogħba u kondoljanzi lill-familjari u sostna li nkunu qed nonqsu meta nsemmu kundizzjonijiet oħrajn li l-anzjani seta' kellhom.  "Inti meta xi ħadd imut wara li jittajjar minn karozza, ma nsemmux il-by-pass li jkun għamel seba' snin qabel, le?  Ma ngħidux 'u iva imma għax kellu kundizzjonijiet oħrajn?"

Grech jaqbeż mill-ewwel fuq il-Prim  Ministru u jgħid li għadu qed jistenna apoloġija lill-poplu, "għax dan ma kienx żball żgħir, imma żball serju.  Il-PM kellu pariri biex ma jgħaġġilx u biex ma jiħux ċerti deċiżjonijiet, imma ħadhom."  Grech jisħaq illi filwaqt li l-ekonomija hija importanti, kieku kien hu PM minflok Abela, kien jagħti l-akbar toqol u l-prijorità lil dak li jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa. 

"Mhux sew li għandna tant anzjani u l-qraba tagħhom tant preokkupati.  Hemm bżonn li l-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa jagħmlu minn kollox biex jagħtuhom is-serħan il-moħħ.  Jiena ommi u missieri jinsabu f'home, naf x'qed iħossu dawn l-anzjani u l-qraba bħalissa"
Hu sostna iżda li apparti miżuri li jitrattaw il-Covid-19 innifisha hemm bżonn li wieħed iżomm  f'moħħu lil dawk kollha li qed jgħixu - għax m'għandhomx għażla - fis-solitudni.  

"Il-flus importanti u l-ekonomija wkoll.  Pero mhux il-flus biss importanti.  Hemm bżonn nieħdu ħsieb ukoll lil min jinsab waħdu."
Għal ftit ħin naqbdu mal-iskejjel u l-posponiment tal-ftuħ tagħhom.  Grech jinsisti dwar l-importanza li l-ġenituri, il-unjins u anke l-kapijiet ta' skejjel jiġu dejjem ikkonsultati u jħossuhom parti integrali mill-bidliet u l-miżuri.  Jikkritika lil rappreżentanti tal-Gvern li qalu illi hemm bżonn reviżjoni tas-sillabu u fakkar illi l-għalliema ma waqfux jaħdmu u meta l-istudenti kienu d-dar baqgħu għaddejjin il-lezzjonijiet online.

'Naqbel ma' sistema li nkunu nafu x'se jiġri bin-nies li deħlin pajjiżna'

Induru fuq l-immigrazzjoni - kwistjoni taħraq li dwarha qala' xi ftit tal-kritika Grech ukoll. Lilhinn imma minn dawk li jiġu bid-dgħajjes:  Bernard Grech lest jipproponi u jikkunsidra sistema li tagħmilha aktar diffiċli jew inkella li tkun aktar stretta biex persuni minn pajjiżi barra l-UE jidħlu Malta?  Jaqbel per eżempju, ma' sistema ta' punti - fejn biex persuna tidħol Malta legalment (u qed neskludu l-immigranti bid-dgħajjes) ikun  hemm bżonn li jkollha x-xogħol jew fejn tgħix?  U jekk diġa' hemm sistema - jaqbel li ssir aktar restrittiva?

Grech jgħid li l-mistoqsija minnha nnifisha turi li l-Gvern la kellu u lanqas għandu pjan dwar l-immigrazzjoni u allura sostna li hemm bżonn ta' strateġija ċara.  "Gvern Laburista ġab ħafna persuni minn pajjiżi terzi għax qalilna li hemm bżonnhom minħabba x-xogħol, u dik nifimha.  Imbagħad qalilna li biex iħallsulna il-pensjoni.  Gidba!  Għax meta ma kellniex aktar bżonnhom ħafna pruvaw ikkeċċuhom - ħallieha li ħafna baqgħu pajjiżna, bla xogħol."

Jiena nħossni obbligat lejn dawk kollha li huma Nazzjonalisti u dawk li mhumiex u jixtiequ jersqu lejn il-PN - u jekk inkun elett se naħdem biex ikollna partit viżjonarju u Gvern alternattiv Bernard Grech

Grech jaqbel :  "Hemm bżonn ċertezza ta' x'se jiġri minn persuna ladarba tidħol Malta u ġejja minn pajjiżi barra l-UE - jekk hux se jkollha, per eżempju mezz ta' dħul," jispjega l-kandidat għall-kariga ta' Kap tal-PN. 

Ifakkar li dan ma jneħħi xejn mill-obbligi li għandha Malta mhux għax hija membru tal-UE biss, imma għaliex hija marbuta mal-obbligi internazzjonali wkoll.

Jiġifieri jaqbel jew le ma' din is-sistema, Grech? 

"Naqbel li jkun hemm pjan u strateġija, inkluż, li tkun taf persuna li ġejja Malta hix se jkollha mezz biex tgħix," temm jgħid Grech. 

'Nemmen li persuna għandha dritt tagħti l-verżjoni tagħha, imma ...'

Naqbżu fuq il-governanza għal ftit ħin.  F'risposta li kien ta għall-mistoqsija tal-ILLUM fuq Net TV Grech kien qal illi jekk ikollu każ ta' deputat taħt sħaba ta' korruzzjoni jew li kellu kuntatt ma' Yorgen Fenech hu jgħaddieh mill-Bord tad-Dixxiplina.  Imma din mhux każ double standards?  Meta kien hemm Ministri Laburisti - Michael Falzon, Manuel Mallia, Konrad Mizzi u aktar - Grech u l-PN talbu għat-tkeċċija. 

Anke ta' Muscat talab tkeċċija, ma talbux li jmur għand xi bord ta' dixxiplina. 

Allura Bernard Grech ikeċċi lil xi ħadd taħt sħaba jew dubji serji ta' korruzzjoni jew le?
"Jiena nemmen li għandu jingħata l-opportunità li jiddefendi ruħu.  Il-partit għandu bord  - parti mill-istatut - li jara u jivverifika l-fatti kif ġraw," sostna Grech. 

Hu mill-ewwel qal iżda li wieħed irid iħares lejn kwistjoni fit-totalità tagħha u li wieħed ma jistax iqabbel "sħaba sewda" ma' dawk li skont hu, huma "reati xokkanti li ħerġin mill-Qorti tagħna ta' istituzzjonijiet li jinsabu maħtufin.  Ta' nies fil-Gvern li għamlu affarijiet deplorabbli u mhux talli telqu, talli baqgħu fil-kontroll tal-assi tal-pajjiż u tal-kuntratti."

Huwa kompla jgħid illi minkejja li dawn kellhom jissospendu ruħhom baqgħu fil-poter, "jiffirmaw il-kuntratti."
Imma mhuwiex iwieġeb.  Jekk ikollok Deputat li fetaħ kont f'ġurisdizzjoni bħall-Panama jew l-Iżvizzera, tkeċċihom jew le?

Jiena ħallast kollox ħafna qabel ma tfajt in-nomina tiegħi u ġranet - u mhux sigħat - qabel ma tfajt in-nomina rtirajt kontestazzjoni ta' ħlasijiet u imgħax fuq VAT, li jiena kelli kull dritt nikkontesta. Imma ħallast biex ma jkolli xejn pendenti Bernard Grech

"Nibda minn dan il-proċess  li semmejt u nżomm id-dritt u l-jedd li nieħu kull deċiżjoni li hemm bżonn. skont iċ-ċirkostanzi," iwieġeb Grech. 

'Ma jistax ikollna liġi li tillimita t-tħaddim tar-reliġjon fl-iskejjel tal-Knisja'
Induru fuq l-att dwar l-ugwaljanza.  Bernard Grech jaqbel mal-proposta illi permezz tagħha skola tal-Knisja ma tkunx tista' tagħżel ħaddiem skont il-fidi, ħlief għat-tagħlim tal-fidi?

Huwa jgħid li ma jistax ikun ikollna liġi li tillimita t-tħaddim u t-tħaddin tar-reliġjon fi skejjel tal-Knisja.  "Il-formazzjoni ma ssirx biss waqt t-tagħlim tar-reliġjon.  Kull skola għandha l-ethos tagħha.  Inti immaġina li jiena mmexxi skola tal-isports u nħaddem għalliem li ma jgħix ħajja sana jew għandu xi vizzji ...ma tagħmilx sens."

Grech jgħid illi għandu jkun hemm ukoll id-diskussjoni biex tinżamm il-possibilità li jkun hemm l-oġġezzjoni ta' dak li wieħed jemmen u l-kuxjenza tiegħu.

'L-għaqda li qed inwiegħed mhix utopja'

Kif jista' qatt jgħaqqad lill-partit meta minn issa diġa' hemm nies fil-partit li mhux biss ma jriduhx, imma li saħansitra qegħdin jaħdmu biex jagħmlulu l-ħsara?  Kif qatt jista' jikseb din l-għaqda utopjana tiegħu?

"M'hijiex utopjana.  Għalkemm ma niħux pjaċir bl-attakki għax ikomplu jagħmlu l-ħsara lill-partit u fost l-għeruq - f'dan iż-żmien mort f'ħafna djar u ltqajt ma' ħafna tesserati li kollha jgħiduli li jridu l-għaqda fil-Partit u l-għaqda fost l-attivisti."

"In-Nazzjonalisti jridu jaraw l-għaqda.  Irridu nfiequ mill-attakki fuq xulxin u fuq il-midja soċjali, bl-edukazzjoni u fejn hemm bżonn, bid-dixxiplina wkoll."

Huwa qal li jekk ikun Kap Nazzjonalista jrid li jikkonvinċi lil min ma jaqbilx miegħu, jaħdem f'tim u joħloq il-fora kollha possibbli biex id-diskussjoni tkun waħda ħajja "ġewwa l-partit". 

"L-għaqda biss tista' twassal biex nimxu 'l quddiem.  L-għaqda fil-partit u l-għaqda ideoloġika, bi Grupp Parlamentari li jkollu pożizzjoni ċara u magħquda."

Taxxa: 'Kollox huwa regolari'

Naturalment qed jiġi intervistat mill-gazzetta li kixfet il-fatt li ma ħallasx taxxa, u allura kellha ssir mistoqsija mill-ġdid dwar it-taxxa. 
Ma jaħsibx li ma mmaniġġjax din l-istorja b'mod tajjeb meta ma ħariġx l-informazzjoni kollha, per eżempju?  U xi kredenzjali jista' jkollu Grech jekk ma qediex dmiru fuq xi ħaġa daqstant bażika, bħal ħlas ta' taxxa? Għadu lanqas huwa Kap tal-Oppożizzjoni u diġa' għandu dan id-dell fuqu ... ma jħossx li din kienet materja mill-aktar serja - saħansitra li jiġi akkużat illi evada t-taxxa?

"Dawn huma kollha akkużi u nassigurak li kollox huwa regolari u nerġa' nirreferi għaċ-ċertifikat - li l-ILLUM ippubblikat imma li ħaddieħor - inkluż il-midja tal-Partit Laburista - ma jridx jippubblika, li juri illi kollox huwa mħallas u lest." 

Huwa qal li allura, minkejja li t-Tax Compliance Unit, għamlu dak li jsejjaħlu 'review' mhuwiex vera li kien investigat. 

"Jiena ħallast kollox ħafna qabel ma tfajt in-nomina tiegħi u ġranet - u mhux sigħat - qabel ma tfajt in-nomina rtirajt kontestazzjoni ta' ħlasijiet u imgħax fuq VAT, li jiena kelli kull dritt nikkontesta.  Imma ħallast biex ma jkolli xejn pendenti."

ElectroGas:  Imma xi jrid Grech?

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Grech dwar proposta li għamel din il-ġimgħa hu stess, illi jekk elett jibda proċeduri sabiex jinħall il-kuntratt tal-ElectroGas.  Imma x'se jagħmel minflok?  Irid jinnazzjonalizza?  Irid li jibda proċess ġdid ta' privatizzazzjoni? 

Huwa qal illi fuq dan il-proġett, l-ewwel u l-aktar ħaġa importanti hija l-verità u li l-poplu jkun jaf x'inhi din.  "Dan huwa kuntratt skandaluż u huwa ċar illi minħabba fih inqatlet persuna u nsellem, iva, lil Daphne Caruana Galizia u lill-ġurnalisti kollha ta' ħidmiethom.  Nemmen fil-ġurnaliżmu bħala pilastru ewlieni f'demokrazija moderna."

Huwa imbagħad qal li ma jeskludi ebda azzjoni fuq il-kuntratt tal-ElectroGas - inkluż inkjesta pubblika jew inkella każ il-Qorti. 

"Huwa proprju għalhekk, li għandna bżonn Oppożizzjoni b'saħħitha u magħquda.   Kellna lil Mizzi, Schembri u Muscat li ħatfu waħedhom u għamlu rebus mill-pajjiż.  Huwa għalhekk li jeħtieġ ikollna Oppożizzjoni b'saħħitha." 

'In-nazzjonalisti jridu l-għaqda'

Is-sondaġġi ilhom juru lil Grech fuq quddiem  - għalkemm x'se jiġri ma nafux.  Jaħseb li jekk jirbaħ ikun għamel dan by default, għax forsi ħafna tesserati qatgħu qalbhom minn Delia? 

Jiena s-sondaġġi xjentifiċi nagħti kashom, pero dawn huma ritratt ta' mument.  "Jiena se naħdem sal-aħħar mument, biex in-nies joħorġu jivvutaw u jafdaw fija."

Huwa qal illi ma jaqbilx illi n-nies jagħżlu by default imma sostna li t-tesserati nazzjonalisti "osservaw, jiftakru u raw ... lili nitkellem fl-aħħar snin.  Meta mmur għand it-tesserati, għall-inqas f'wiċċi, jgħiduli li se jivvutawli għax jemmnu fija.  U din għalija hija responsabilità kbira."

"Jiena nħossni obbligat lejn dawk kollha li huma Nazzjonalisti u dawk li mhumiex u jixtiequ jersqu lejn il-PN - u jekk inkun elett se naħdem biex ikollna partit viżjonarju u Gvern alternattiv."

'Ma rrid nitlef lil ħadd'

Finalment, jekk jirbaħ Grech jikkunsidra li jpoġġi lil Delia Viċi Kap tal-PN?

"Kif diġa' għidt, jekk inkun elett jiena Delia jeħtieġ ikun parti mis-soluzzjoni - filwaqt li l-prerogattiva ta'  min ikun Viċi Kap jew Kap trid tkun l-għażla tan-nies."

"Jiena irrid li ma jintilef ħadd. Adrian Delia, Robert Arrigo ... dawk kollha li ħadmu u kkampanjaw għal Delia ... hekk biss jista' jkollna partit b'saħħtu u Gvern alternattiv." 

More in Politika