'Messek tistħi ... il-priġunieri mhux trattati ta' bnedmin' - Peppi Azzopardi lid-Direttur tal-Ħabs

Peppi Azzopardi jwieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar l-immigranti, il-priġunieri, l-Istrina u naturalment dwar il-programm li ppreżenta għal snin twal:  Xarabank

Peppi Azzopardi
Peppi Azzopardi

Din hija t-tieni parti tal-intervista li l-gazzetta ILLUM kellha mal-preżentatur u ġurnalist Peppi Azzopardi. 

L-ewwel parti trattat il-ġurnaliżmu, il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-eks PM Joseph Muscat u t-tiġrija fil-Partit Nazzjonalista.  Tista' taqra l-ewwel parti:  Hawnhekk

Sistema volontarja ta' min irid jadotta immigrant(i)

Induru fuq l-immigrazzjoni - l-aktar suġġett li dwaru Azzopardi jaqla' tgħajjir u anke insulti - xi minn daqqiet insulti li huma inċitar. 
Imma, per eżempju, dawk li qalulu illi meta qal li jixtieq jadotta immigrant minn dawk fuq il-baħar messu mar sa Ħal Far jew il-Marsa u adotta xi ħadd li kien diġa' hawnhekk, ma kellux xi ftit tar-raġun?

Huwa jgħid illi minkejja li qatt ma qal lil ħadd u ma qagħadx ixandarha hu kien diġa' żamm immigranti, f'każ minnhom ta' persuna li kienet ippersegwitatha u li baqgħet mal-familja għal ftit aktar minn sena. 

"Issa jiena nixtieq li jkun hawn sistema maħluqa mill-Gvern fejn persuna tkun tista' b'mod volontarju tadotta persuna jew familja.  Għidt ejja nwaqqfu sistema li tkun professjonali biex ma jkunx hemm abbuż.  Per eżempju ma jkunx hemm problemi ta' saħħa mentali li min qed jadotta ma jkunx jaf kif se jsolvi."

Huwa qal illi l-għan ta' din l-idea hija li "ngħixu flimkien u nitgħallmu minn xulxin" u sostna li jsiru parti mill-komunità. 

Huwa qal li Azzopardi kiteb lill-Ministru Byron Camilleri li minn naħa tiegħu qabel mal-idea u qal li din l-inizjattiva għandha ssir mill-AWAS li Azzopardi jgħid illi qed jagħmlu xogħol impekkabli. 

"Qbilna li nwaqqaf Kumitat u nagħżel lin-nies biex min irid jadotta familja." 

Huwa qal li dan il-Kumitat irid jara li jsir taħriġ - jiġifieri li l-iskop ikun wieħed edukattiv u li jkun hemm sorveljanza, jiġifieri li jkun aċċertat li ma jkunx hemm abbuż. 

'Ma naħsibx li l-maġġoranza tan-nies huma rappreżentati minn dawk fuq Facebook'

Il-gazzetta ILLUM tfakkru illi kien hemm reazzjoni qawwija u negattiva għall-proposta tiegħu, imma hu jgħid illi minkejja dan, li ma jafux in-nies huwa li kellu rispons pożittiv ukoll. 

Jelenka persuni li ċemplulu u wrew l-interess li jgħinu:  Anzjana Għawdxija li offriet illi ddaħħal mara, negozjant kbir li offra li jdaħħal familja tgħix ma' tiegħu, xufier tat-taxis u saħansitra persuna li qabdet u marret tikri appartament biex  ikun jista' jdaħħal u jgħix mal-immigranti. 
Imma allura jaħseb li forsi l-midja soċjali qed tagħti wisq soppravvent lil dawk li huma razzisti? 

"Jiena ma naħsibx li l-maġġoranza tan-nies huma rappreżentati minn nies fuq facebook," jibda jispjega Azzopardi.  Huwa jtenni illi ħafna drabi din tkun minoranza ta' nies li huma mweġġa' minn xi ħaġa imma li xorta għandna nħobbu. 

"Kien hemm kumment darba - fil-pubbliku - jgħid illi ġej sett ieħor ta' immigranti u Mandy (mart Peppi) aħjar tipprepara ħalli jiżvugaw fiha.  Kien hemm kumment ieħor li jgħid illi l-klieb il-baħar għandhom bżonn jieklu u xi ħadd wieġbu u qallu li lanqas għall-klieb il-baħar ma huma tajbin dawn.  Ara naqra ta!  Ara x'għarukaża ta!"

Huwa jisħaq li dawn huma bnedmin bħalna, ma hemmx differenza. 

L-Integrazzjoni tista' sseħħ imma?

Iżda din il-gazzetta tfakkru illi hemm bosta li jgħidu illi dawn ġejjin min  kultura wisq differenti minn tagħna u allura huwa diffiċli li jintegraw.  Azzopardi iżda mhux impressjonat b'dan l-argument lanqas. 

"Mhux kulħadd ikun lest jintegra, vera.  Imma aħna x'qed nagħmlu biex inkunu attivi fl-integrazzjoni?  Jiena naf min integra u qiegħed f'kunsilli ta' skejjel, parti mill-festi, jarma fil-Milied ..."

Dwar dan is-suġġett itemm ifakkar li anke Maltin li jagħmlu ħruxijiet hawn ui jgħid illi minkejja li fil-każ ta' attakk fuq mara  barranija l-Belt kien hemm min mill-ewwel weħħel fil-barranin, wara rriżulta li l-agressur kien Malti. 

Huwa jisħaq li n-nies jesprimu mibgħeda lejh, anke min xtaqu mejjet, qed jitlobhom biex jiltaqgħu u ħafna drabi ikun hemm realizzazzjoni, "li la jiena ma jiena monstru u lanqas huma."

'Jiena ma nemminx fil-kastig'

Induru fuq kwistjoni oħra li Peppi Azzopardi jaqla' ħafna kritika dwarha:  Il-priġunieri u d-drittijiet tagħhom.  Kien jiġi akkużat illi jagħti wisq attenzjoni lilhom u mhux lill-vittma.  Matul l-intervista jgħid 'jiena ma nemminx fil-ħabs'.  Jiġifieri ma jemminx li għandu jkun hemm xi ħaġa li tipprevjeni milli jsir ir-reat bħal qtil jew serq - bħat-teħid tal-libertà?  

"Jiena ma nemminx fil-kastig.  Imma iva xi ħadd li qatel huwa perikolu' għalih u għas-soċjetà."

Huwa jieħu l-eżempju ta' Daniel Muka, l-Albaniż akkużat bil-qtil ta' Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski.  "X'nagħmlu għax moħħna fil-kastig?  Bdejna l-każ, iddiferejna l-każ u tfajnih fuq bail biex jirrepeti l-istess reati.  Ara kieku, mal-ewwel darba li tressaq akkużat b'serq skatta proċess li permezz tiegħu tim inter-dixxiplinarju jara u jifhem għalfejn qed jisraq  - jekk hux għax kleptomaniku jew biex isostni l-vizzju tad-droga."

Huwa jgħid illi  kieku dan seħħ "probabbli dan ma kienx allegatament jisraq u joqtol."

Huwa jsemmi lil Liam Debono, akkużat b'attentat ta' qtil tal-Pulizija Simon Schembri u jfakkar li dan kien tressaq il-Qorti ħames darbiet qabel, fosthom, għax saq bla liċenzja. 

Id-Direttur tal-Ħabs kurrenti Alexander Dalli
Id-Direttur tal-Ħabs kurrenti Alexander Dalli

"Ħames darbiet ta!  Ma stajniex naraw għalfejn dal-ġenn għall-karozzi?  Ma stajniex naraw x'kien hemm ħażin u nagħtu alternattiva? Inħallih juża simulator, mela ... kieku Liam Debono ma ħoloqx lil Simon Schembri." 

Huwa qal illi f'każi fejn minkejja li tittieħed il-libertà,  xorta l-persuna ma titgħallimx u ma tinbidilx għandhom jitpoġġew f'dak li sejjaħ "sptar soċjali" fejn dawk li jkunu żbaljaw jifhmu dan, jaħfru lilhom infushom u jekk serqu jroddu lura dak li serqu lill-vittma.
 
'Messu jistħi d-direttur tal-ħabs ...'

Peppi Azzopardi f'dan il-punt jaqbeż fuq id-direttur tal-Ħabs Alexander Dalli u ma tantx jirriżerva kliem ta' tifħir għalih:  "Messu jistħi d-direttur tal-ħabs.  Kull min jidħol il-ħabs jiddaħħal f'Diviżjoni 6 - diviżjoni kkundanata u li kellha tingħalaq - u dan biex ibeżżawhom mal-ewwel." 

Peppi Azzopardi jisħaq illi minkejja li "id-direttur tal-Ħabs neħħa d-droga, ma neħħiex il-bżonn li jieħdu d-droga dawk li qegħdin fil-Ħabs."
Huwa staqsa kemm kien hemm nies li joħorġu mill-ħabs "bil-borża f'idejhom", kemm kien hemm priġunieri li l-ewwel persuna li ċemplu wara li kienu ilhom xhur ma jieħdu droga kien lid-dealer u staqsa kemm minnhom spiċċaw b'overdose jew kellhom jiddaħħlu lura. 

"Is-suċċess mhux li żżommhom fil-ħabs u tittrattahom ta' żibel imma li ma jerġgħux jidħlu lura l-ħabs.  Il-ħabs kif inhu mmexxi llum mhux jitratta lin-nies ta' bnedmin."

F'anedottu ieħor Azzopardi jgħid li lilu u lil Mandy  darba serquhom tlieta minn nies u ħadulhom kollox - sa hairdryer - minħabba d-droga.  Huwa jgħid illi ltaqa' magħhom u wieħed mill-akkużati mar programm tal-Caritas u llum għandu familja. 
"Mhux aħjar hekk minflok tajnieh il-kastig?'

Mill-Cash for Cancer għall-Istrina

Induru fuq l-Istrina  - attività b'għan nobbli li għamlet ħafna ġid.  Imma ma jħossx li  mbagħad inbidlet f'lotterija ta' rigali u tilfet mis-sens tagħha?

"Ma  nara xejn ħażin li ċċempel jew tagħti karità u tirbaħ.  Meta tmur Rockestra, mhux hekk jiġri?  tagħti għall-karità u tmur tara x-show? L-August Moon Ball mhux l-istess?"

Jammetti iżda li bdiet tidher wisq f'punt minnhom li qisha lotterija  u festa.  "Ara jiena ridt inserraħ rasi li l-Istrina tibqa' għaddejja wara li ma nibqax jien u għalhekk tlabt lill-President Emeritus George Vella biex jeħodha f'idejh permezz tal-Malta Community Chest Fund.  Kont tlabtu wkoll biex jikkunsidra li ma jibqax   jagħti rigali ħalli jaraw hux vera li n-nies kienu qed jagħtu biss minħabba r-rigali. 

Fil-fatt, minkejja li r-rigali twaqqfu, l-ammont miġbur fl-Istrina baqa' jiżdied sena wara oħra. 

Peppi jmur lura fiż-żmien u jiftakar kif bdiet il-mixja tal-Istrina u jfakkar kif kollox beda meta l-eks Chairman tal-PBS Sylvana Cristina kien laqqgħatu ma' Maria Bugeja tal-Cash for Cancer u kienet saret ġabra li kienet suċċess kbir.

'M'inix populist, imma l-populiżmu nużah'

Resqin lejn it-tmiem u ma nistax ma mmisslux mas-suġġett ta' Xarabank - il-programm popolari li wara aktar minn 20 sena twaqqaf mill-PBS. 

Ta' sikwit Peppi jiġi akkużat li huwa populist.  Kif jirreaġixxi meta jakkużawh b'dan il-mod?

"Kieku jiena populist nieħu l-pożizzjoni li nieħu fuq l-immigranti?  Jew fuq il-ħabsin?  Populist xi ħadd bħal Trump jew Salvini ..."
Azzopardi jgħid iżda illi hu jużaħ il-populiżmu biex jagħmel suġġetti li mhumiex popolari, popolari.  Hu jsemmi kif minkejja li lilu ma jogħġbuhx ir-reality shows,  uża l-istess riċetta bi skop - per eżempju darba laqqa' nies flimkien biex jieqfu jpejpu u min ipejjep jitkeċċa mid-dar u darba oħra tpoġġa grupp ta' nies f'dar - min hu kontra id-dħul ta' Malta fl-UE, min huwa favur u dawn riedu jikkonvinċu lil dawk li kienu indeċiżi.

"Qrajt li l-PBS se jieħu sitt miljun ewro.  Jiena nispera li dawk il-flus imorru għand programmi li se jarawhom in-nies għax wara kollox mhux kull programm li jarawh in-nies huwa tajjeb imma biex programm ikun tajjeb iridu jarawh in-nies.  Aħna wara kollox fil-midja tal-massa qegħdin."
Peppi jgħid illi ikun xi jkun is-suġġett, "anke jekk ikun il-balet li ma naf xejn dwaru jiena nagħmlu interessanti."

L-imħabba!

U finalment.  X'inhu l-legat li jixtieq iħalli warajh Peppi?

"Jiena nixtieq li nkun żrajt l-imħabba, li hija wara kollox is-soluzzjoni ta' kollox  - ħlief għall-mard u l-mewt.  Jekk inkun żrajt l-imħabba ma' dawk li ltqajt magħhom u dawk li kienu jaħdmu miegħi inkun ferħan se ntir.

More in Politika