Intervista (1) | 'Tal-biża' r-realtà li qed ngħixu ... il-Gvern kien rieqed mal-AĠ, mal-Pulizija...'

Daphne Caruana Galizia, il-ġurnaliżmu, l-immigrazzjoni, il-mibgħeda, il-priġunieri u l-kastig, id-Direttur tal-Ħabs, l-Istrina u aktar.  L-ILLUM tintervista lil Peppi Azzopardi ..

Din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM intervistat lil Peppi Azzopardi - preżentatur u ġurnalist mhux biss popolari, imma maħbub daqs kemm huwa kkritikat u mibgħud minħabba dik li ħafna jaraw bħala sodezza ta’ prinċipju u li oħrajn jaraw bħala preżunzjoni.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Peppi fid-dar tiegħu fi triq dejqa kollha djar antiki f’Ħal Qormi.  

L-ewwelnett Peppi minn Ħal Qormi? “Le jiena propjament mill-Furjana, imma kont noqgħod f’diversi postijiet  - fosthom issa f’Ħal Qormi.”

Togħġbu l-ħajja fil-belt antika ta’ Pinto?

“Iva ta’.  Qatt ma kelli problemi,” jgħid Azzopardi. 

U nibdew mill-ewwel fuq suġġetti aktar jaħarqu.

L-akbar problema fil-ġurnaliżmu:  Il-finanzi

Peppi Azzopardi ġurnalist - persuna tal-midja u miegħu kibru u tgħallmu diversi ġurnalisti oħrajn, permezz ta’ Xarabank u ta’ programmi oħrajn ukoll.  Fejn jara li jinsab il-ġurnaliżmu llum Peppi?

“Jiena l-aktar li ninkwieta mhuwiex dwar ir-riżorsa umana.  Illum hawn ġurnalisti li kapaċi jieħdu pożizzjoni ... iktar ninkwieta imma fuq l-aspett finanzjarju,” jgħid Azzopardi.  Hu jgħid li kważi kull portal, kull kumpanija tal-midja u kull newsroom għandha problema finanzjarja serja.  “Tant hu hekk li l-Gvern qed jispiċċa jisponsorja hu.”

Peppi jiċċara li din tar-riklami mill-Gvern kullimkien tiġri, anke fuq Xarabank għalkemm għamilha ċara li PJ  - li fil-fatt imexxi l-kumpanija Where’s Everybody?’ - qatt ma qallu biex ma jippubblikax jew ma jgħidx xi ħaġa minħabba riklamar mill-Gvern. 

“Diġa’ l-Gvern għandu l-istituzzjonijiet kollha taħt idejh.  Iva, anke din issa?  Li mezz ta’ midja jiddependi minn fuq ir-riklamar tal-Gvern hija sitwazzjoni serja.”

Imma allura hu x’qed jipproponi?

Azzopardi jgħid li hemm bżonn tinħoloq trust li fiha jinjetta flus il-Gvern pero li topera indipendentement minnu u li tkun immexxija minn eks ġurnalisti u anke ġurnalisti kurrenti, “ħalli ma jkunx hemm il-biża’ li jekk tikteb xi ħaġa se jgħalqulek ir-riklami ... u jispiċċaw jgħalqu.”

Il-gazzetta tirrimarka kif ġieli jkun hemm ġranet ċerti ġurnali lanqas riklam wieħed ma jkollhom. 

“Jiena għalija dik il-problema.  Għax mill-bqija, allajbierek, kienu l-ġurnalisti li min ftit u min ħafna, xprunaw biex tinkixef il-korruzzjoni u l-ħadma li kien hemm biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.” 

Ġejjin għal Caruana Galizia daqt, tirrimarka l-gazzetta. 

Dakinhar tal-protesta li saret minn numru ta’ ġurnalisti - sigħat wara l-qtil ta’ Daphne - l-għajta kienet illi ‘l-pinna tirbaħ il-biża’.  X’kumbinazzjoni Peppi kien ħdejja waqt din il-protesta u niftakarni niddiksuti miegħu malajr l-avvenimenti suwed li kienu għadhom kif seħħew ftit qabel.  Imma Peppi jaħseb li l-pinna għadha qed tirbaħ il-biża’ jew le?

“Le ma narax li l-biża’ qed tirbaħ u allaħares.  Il-ġurnaliżmu baqa’ għaddej, li jinkwetani hija din il-problema tal-flus. 

Insemmilu kif darba, ftit ġimgħat ilu,  il-gazzetti qalgħu ħafna kritika għaliex kollha kellhom, l-istess faċċata b’riklam tal-Gvern dwar il-miżuri ekonomiċi fid-dawl tal-Covid-19 (Il-gazzetta ILLUM ma kellhiex) ...

“Imma xi tridhom jagħmlu?” jibda jistaqsi Peppi Azzopardi.  “Iva, fil-verità ma kinitx tidher sabiħa.  Imma xi trid tagħmel? Din hija dilemma li trid tiġi indirizzata mill-midja. 

Huwa jgħid illi għalkemm PJ qatt ma qallu x’jgħid jew le, “jekk jiġi xi ħadd jgħidlek li se jwaqqaf l-isponsor, x’tagħmel? Irid ikollok bażi soda u tajba (finanzjarjament) biex tgħidlu jmur jitnejjek!” 

‘Tal-biża’ li qed nisimgħu dwar il-qtil ta’ Daphne’

Induru fuq Daphne Caruana Galizia u l-iżviluppi fil-Qrati Maltin.  Kull ġimgħa nsiru nafu xi ħaġa ġdida, xhieda xi minn daqqiet tat-tkexkix.  Jinkwetah dan, bħala persuna li qalet pubblikament ivvotat liż-żewġ partiti wara kollox?

Ifakkar li hu vvota lill-Partit Laburista fl-1996, imbagħad Alternattiva Demokratika, imbagħad baqa’ jivvota lill-Partit Nazzjonalista.

Jispjega kif hu jikteb id-drammi, “studjajt it-teatru - kelli anke plays il-Manoel - u fil-fatt bħalissa għadni qiegħed nikteb teleserje politiku li fih ħafna intriċċi, stejjer ta’ mħabba, dilemmi enormi ta’ ġurnalisti ... vera interessanti.  Jismu Kastilja u jekk ma jippubblikah ħadd nippubblikah fuq l-internet.”

Fi żmien Alfred Sant ma konniex hekk. irrispettahom l-istituzzjonijiet jiġifieri mhux dejjem il-Labour hekk. F'sentejn Sant ma ħatafx l-istituzzjonijiet taħt idejh

“Meta bdew ħerġin dawn l-affarijiet,” ikompli jispjega Peppi, issa b’ton xi ftit irrabjat, “waqaft.  Jiena u nikteb it-teleserje ħsibtni qed neseġera.  Dawn affarijiet tal-biża’, tal-biża’ ta li qed ngħixu.  Tal-biża’ li r-realtà hija aktar drammatika u aktar tal-biża’ minn dan it-teleserje li kont qed nikteb.”

Peppi jgħid li ħass illi qisu kien qed jikteb storja kollha fantaxjenza u daħal fil-karattri u qisu xi ħadd qallu ‘stenna hemmhekk għax hemm xi ħadd li qed jikteb teleserje ħafna aħjar min tiegħek.’

‘Alfred Sant ma ħatafx l-Istituzzjonijiet’

“Tat-twerwir meta tinduna li kellna Gvern - qed  ngħid kellna għax nittama li m’għadx għandna - il-puliz ija, l-avukat ġenerali ... kollha reqdin flimkien u ma ma tafx min huwa min ...”

Ikun hemm min iwieġbu illi dan dejjem kien mela għaliex ma tkellimx qabel?

“Le  mhux vera dejjem hekk ta!  L-Avukat Ġenerali u Gvern Nazzjonalista ma nafx kinux miġġildin kif suppost ikunu.  Imma timmaġina lil John Rizzo  - eks Kummissarju tal-Pulizija - li għax xi ħadd huwa qrib il-poter jgħid ‘u iva toqgħdox taqilgħu mid-dar.  Ħallieh miskin’.  Temmen li Rizzo jkun kapaċi jagħmilha?” staqsa Azzopardi.  

Peppi Azzopardi kien qed jirreferi għal xhieda li ta l-Ispettur Ian Abdilla fil-Qorti li kien qal illi l-eks Kummissarju Silvio Valletta kien qallu li l-pulizija kellha tmur tinterroga lil Fenech fl-appartament tiegħu fil-Portomaso u mhux imur id-Depot kif inhi l-prassi.  Din l-interrogazzjoni ma saritx għax Valletta qal lil Abdilla li Fenech kien ma jiflaħx. 

Ikun hemm - minn naħa l-oħra min jgħid - illi l-Partit Laburista dejjem hekk meta jkun fil-Gvern.

“Mhux vera,” jerġa jirrispondi Peppi.  “Fi żmien Alfred Sant ma konniex hekk.  Irrispettahom l-istituzzjonijiet jiġifieri mhux dejjem il-Labour hekk.  F’sentejn Sant ma ħatafx l-istituzzjonijiet taħt idejh.”

Meta ċempel lill-eks PM Gonzi ...

Peppi Azzopardi jispjega kif Joanne Cassar kienet qed tiġġieled id-dritt biex tieħu l-istatus ta’ mara u tiżżewweġ.  Wara li l-Qorti qatgħatha favuriha, l-Avukat Ġenerali appella. 

“Qatt ma ċempiltlu lill-Prim Ministru Gonzi b’mod dirett.  Kont inċempel lill-PR tiegħu imma dakinhar ċempiltlu għax vera kont irrabjat.  Niftakar kien qalli li kien se jerġa jċempel u hekk għamel u meta staqsejtu għaliex għamlulha hekk lil Joanne, staqsieni jekk hux qed jippretendi li jċempel lill-AĠ u jgħidlu x’għandu jagħmel.”

Azzopardi jirrikonoxxi l-kisbiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u jgħid illi dan ħaqqu monument mill-isbaħ u mixgħul fejn jidħlu drittijiet għal persunbi LGBTIQ.  “Ħasra hux.  L-aqwa fl-Ewropa fejn jidħlu dritiijiet ċivili u l-ewwel fl-Ewropa għall-korruzzjoni - tibda tgħid imma dawn l-istess nies?”

‘Min jaf Muscat kemm jixtieq ireġġa l-arloġġ lura!’

Kieku kellu jarah lil Joseph Muscat fit-triq, x’jgħidlu dwar il-ħsibijiet politiċi tiegħu?

“Naħseb kien iħossni naqra skomdu u ma naħsibx li jkolli l-kuraġġ niftaħlu l-ferita.  Wara kollox hu bniedem jibqa’!

Nemmnu li Muscat ma xtaqx li jtemm il-karriera tiegħu b’dan il-mod tirimarka l-ILLUM.  “Mhux ovvja, mhux ovvja li ma xtaqx jispiċċa hekk.  Min jaf kemm jixtieq imur lura fiż-żmien u ċerta deċiżjonijiet li ma ħax jeħodhom.”

Fuq dan il-punt jfakkar illi suppost f’soċjetà demokratika għandek separazzjoni totali bejn il-Gvern u l-istituzzjonijiet.  “Għandna bżonn Kummissarju tal-pulizija li jkollu l-libertà f’każ ta’ bżonn li jarresta lill-PM jew lil xi Ministru.  Imma meta tkun irqadt fl-istess sodda magħhom ma tistax tagħmel mod ieħor.”

Jispjega kif il-Kummissarju jeħtieġ ikun bħal Maġistrat  - ħadd ma jċempillek.  “Hawn xi ħadd joqgħod iċempel lil  Maġistrat jew Imħallef dwar każ?  Le hux!  L-istess il-Kummissarju.”

Huwa wera’ t-tama li l-Kummissarju l-ġdid jindirizza dan il-bżonn ta’ separazzjoni ta’ poteri u qal li l-Gvern jista’ jkollu faċilità jiltaqa’ ma’ Kummissarju biss fil-pubbliku, taħt il-lenti tal-midja. 

Kieku Peppi kien tesserat lil min jivvota?

Induru fuq l-elezzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.  Minkejja l-biżgħat u l-fatti u l-implikazzjonijiet xokkanti ħerġin mill-Qorti, l-PN mhux talli avvanza talli mar aktar lura elettoralment.  

Kieku int kont tesserat lil min kont tivvota Pepp?

“Jekk kelli nivvota b’qalbi nivvota lil Delia. Hekk dejjem jiġrili nagħżel l- underdog. Bħalissa qed nara lil ħafna nies li kienu all-out ma’ Delia jitilquh u nħoss għalih. Ir-raġel ħallas prezz għoli wisq fil-politika. Delia huwa l-aħjar oratur li għandna bħalissa.  Nammirah kif ma jaqta’ qalbu qatt, imma fl-istess ħin jirrabjani għax il-figuri juru li l-Maltin u l-Għawdxin ma jriduhx. Ħa l-fama u jista’ jmur jorqod. Mill-banda l-oħra, Bernard qed joħloq entużjazmu ġdid, entużjazmu kbir minn kullimkien u allura jekk kelli nivvota b’moħħi, nivvota lil Bernard għax skont l-aħħar sondaġġ tal-Maltatoday jaqta’ bin-nofs id-distakk ma’ Robert Abela. Bernard raġel ta’ ispirazzjoni li ma jidhirx li għandu skeletri.

(Din il-gazzetta intervistat lil Azzopardi qabel ma żvelat l-istorja ta’ taxxa, VAT u Bernard Grech). 

Huwa jgħid li ideoloġikament jara li Grech huwa eqreb ta’ dak li jemmen hu u li darba ċempel lil Delia u qallu li għall-ewwel darba wara ħafna snin m,hux se jivvota lill-PN.  “Irrid nagħtih il-krettu li minflok irrabja stedinni biex niltaqgħu.  Imma xorta m’inix komdu bih għax nibża’ li b’Delia il-PN qed jersaq lejn il-lemin.  Niġu ottu ta’ vera!  Mhux diġa’ għandna lill-Partit Laburista fuq lemin, se nitfgħu lill-PN ukoll? 

It-tieni parti ta' din l-intervista dwar l-immigrazzjoni, il-ħabs u Xarabank se tkun ippubblikata għada fuq is-sit illum.com.mt

More in Politika