
Kaos fir-riżultati tas-SEC
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema jinsabu fi stat ta' konfużjoni wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-SEC ta’ din is-sena

More in Socjali
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema jinsabu fi stat ta' konfużjoni wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-SEC ta’ din is-sena
Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu dwar il-kaos li ħakem ir-riżultati tal-eżamijiet tas-SEC, magħrufa wkoll bħala l-O-Levels, li ħarġu aktar kmieni din il-ġimgħa. Fi stqarrija, il-PN qal li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema qed ibatu biex jifhmu x’riżultai kisbu l-istudenti, minħabba nuqqas ta’ ċarezza fis-sistema l-ġdida li ddaħħlet minn din is-sena.
Is-sistema l-ġdida tgħaqqad flimkien il-marki tal-School Based Assessments (SBAs) mal-eżamijiet tradizzjonali, iżda skont il-Partit Nazzjonalista, din is-sistema mhix trasparenti u hija diffiċli biex tifhimha. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, fi stqarrija li ħareġ nhar it-Tlieta filgħaxija, qal li l-marki tal-SBAs jammontaw għal 30% tal-Grad finali. Iżda aktar tard ġie ċċarat li din l-informazzjoni kienet żbaljata, u fil-fatt il-marka tal-SBA tikkontribwixxi lejn id-determinazzjoni tal-Livell u mhux tal-Grad. Dan l-iżball, sostna l-PN, kompla jkabbar il-konfużjoni u n-nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Ministeru għandu jerfa’ r-responsabbiltà li jispjega b’mod ċar kif qed jaħdem dan il-proċess ġdid. Hemm bosta mistoqsijiet u inċertezzi li għadhom bla tweġiba. Fosthom hemm kif qed jiġu kkombinati l-marki tal-Paper I u tal-Paper II, u kif jista’ jkun li student li kiseb Grad 6 jew 7 xorta ġie klassifikat f’Livell 3 – l-istess bħall-istudenti li kisbu minn Grad 1 sa Grad 5. Il-PN staqsa wkoll jekk humiex il-Gradi jew il-Livelli li se jkunu meqjusa għall-aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja, u jekk wieħed jistax jerġa’ jagħmel re-sit għal ċertu gradi jew livelli, kif ukoll kemm se tibqa’ valida l-marka tal-SBA.
Kwistjoni oħra li tqajmet kienet dik tal-istudenti kandidati privati, li ma sabux il-marka tagħhom tal-Paper I fir-riżultat uffiċjali, u lanqas hemm indikazzjoni ta’ kif din ġiet ikkunsidrata. Dan, skont il-PN, joħloq diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ġustizzja bejn kategoriji differenti ta’ studenti. Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista wera d-diżappunt tiegħu li din is-sena, ir-rapport uffiċjali tal-MATSEC ma ppreżentax statistika dettaljata dwar il-Gradi mogħtija, iżda sempliċement dwar il-Livelli. Dan ifisser li m’hemmx data preċiża dwar kemm studenti kisbu Grad 1, 2 jew 7 f’kull suġġett, u għalhekk l-istampa ġenerali tal-prestazzjoni tal-istudenti Maltin ma tistax tkun valutata b’mod trasparenti.
Il-PN saħaq li dan in-nuqqas ta’ trasparenza huwa inġustifikabbli u ma jagħmilx ġieħ lill-istudenti li ħadmu u studjaw matul is-sena. Fi tmiem l-istqarrija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-MATSEC għall-ħidma li wettqet, u awgura lill-istudenti kollha li rċevew ir-riżultati tagħhom. Madankollu, il-partit tenna li l-istudenti jixirqilhom spjegazzjoni ċara, sistema ġusta u rapportazzjoni trasparenti – mhux konfużjoni u silenzju.