Il-PN jgħid li fuq l-Att dwar l-Ugwaljanza l-Gvern qed jiltaqa' mal-istakeholders imma qed jinjorahom

Diversi kelliema tal-PN jgħidu li l-Gvern għadu ma ċċirkulax l-aħħar emendi tal-abbozz

Il-Partit Nazzjonalista sostna illi għalkemm il-Gvern qed jiltaqa' mal-istakeholders dwar l-Att dwar l-Ugwaljanza, hu qed jinjora t-talbiet tagħhom. 

Din l-istqarrija tiġi fid-dawl tal-kritika mill-Knisja kif ukoll mill-iskejjel tal-Knisja hekk kif, fost oħrajn, din il-liġi se tagħmilha illegali li skejjel tal-knisja jiddiskriminaw skont il-fidi tal-applikant, għajr għal każi ta' impjiegi ta' tagħlim tal-fidi.  Dan kien iċċarat mis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar mal-gazzetta ILLUM li wieġbet diversi mistoqsijiet dwar dan l-att, fosthom kwistjonijiet LGBTIQ+ u l-immigrazzjoni.

Ilbieraħ stess l-Arċisqof ta' Malta Charles J Scicluna flimkien mal-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi sostnew illi ċertu klawżoli fl-abbozz “għandhom implikazzjonijiet serji” għax, fi kliem l-Isqfijiet, se joħonqu l-libertà tal-bniedem.

“Il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon tal-persuni kollha li jgħixu f’Malta u f’Għawdex sa issa dejjem kienu mħarsa kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mill-Konvenzjoni Ewropea kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hemm periklu serju li dawn l-abbozzi, jekk mhux emendati bil-għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw dawn il-libertajiet ... "

Il-Partit Nazzjonalista sostna fi stqarrija li prova tal-fatt li - skont il-PN - il-Gvern mhux qed jagħti każ it-talbiet tal-istakeholders huwa li "sal-lum għadu ma’ ċċirkulax l-aħħar emendi għall-istess abbozz u dan b’detriment għad-djalogu vera li ma’ jistax jħalli l-frott mixtieq biex ikollna liġi b’saħħitha u ġusta."                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                        

More in Politika