'L-edukaturi tal-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu persuni li jsaħħu l-valuri tal-iskola' - l-Isqfijiet

L-Isqfijiet jirreaġġixxu għall-Abbozz ta' Liġi dwar l-Ugwaljanza ... jilqgħu punti iżda jappellaw dwar oħrajn

Il-Konferenza Episkopali Maltija saħqet li hija favur l-ugwaljanza u kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni iżda fl-istess ħin uriet it-tħassib tagħha dwar ċertu klawżoli fl-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza.

Fi stqarrija, l-Isqfijiet Maltin saħqu li: “il-Knisja ma tistax ma tisseħibx mal-isforzi kollha li qed isiru biex f’pajjiżna jkun hawn ugwaljanza u tinqered kull forma ta’ diskriminazzjoni. L-ebda persuna m’għandha tiġi diskriminata minħabba l-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon, l-età, l-opinjoni politika jew karatteristiċi oħra li jagħmluha persuna unika.”

Madanakollu saħqet li ċertu klawżoli fl-abbozz “għandhom implikazzjonijiet serji” għax, fi kliem l-Isqfijiet, se joħonqu l-libertà tal-bniedem.

“Il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon tal-persuni kollha li jgħixu f’Malta u f’Għawdex sa issa dejjem kienu mħarsa kemm mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mill-Konvenzjoni Ewropea kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hemm periklu serju li dawn l-abbozzi, jekk mhux emendati bil-għaqal u b’mod trasparenti, jipperikolaw dawn il-libertajiet fundamentali li dejjem gawdejna,” saħqu l-Isqfijiet.

Fost oħrajn appellaw biex jibqa’ jiġi mħares id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu liema skola jixtiequ għal uliedhom.

“Jekk jagħżlu skejjel tal-Knisja jew skejjel li għandhom etos partikolari, għandu jiġi assigurat li l-għażla tal-kapijiet u ta’ min imexxi dawn l-iskejjel ikunu persuni li jħarsu u jippromovu l-etos u l-valuri ta’ dawk l-iskejjel,” saħqet il-Konferenza Episkopali. “B’hekk ikun salvagwardjat id-dritt tal-ġenituri – dan ukoll dritt fundamentali – li l-edukazzjoni u t-tagħlim li jirċievu wliedhom ikun b’konformità mal-konvinzjonijiet reliġjużi u filosofiċi tagħhom.”

Aqra wkoll: 'Jekk impjieg fi skola tal-Knisja mhux marbut mal-fidi, ma tistax issir diskriminazzjoni' - Rosianne Cutajar

Fakkru li l-principji, il-valuri u l-etos tal-iskola ma jiġux mgħoddija biss waqt il-lezzjoni tar-Reliġjon imma f’suġġetti varji inkluż il-PSCD, l-istorja, il-letteratura, tagħlim ambjentali, ix-xjenzi, il-lingwi u suġġetti oħra kif ukoll waqt attivitajiet oħra fl-iskola u barra minnha u dawk ko-kurrikulari.

“L-għażla tal-edukaturi għandha tkun b’mod li l-persuni huma idonei għat-tkattir tal-etos tal-iskola waqt is-suġġetti u l-attivitajiet kollha, u mhux indifferenti jew saħansitra ostili għalih,” komplew l-Isqfijiet.

Tkellmu wkoll fuq id-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza u appellaw li l-liġi għanda tinkludi wkoll dan id-dritt.

“Dan sabiex ikun assigurat li ħadd ma jiġi mġiegħel jagħmel jew ikun parti jew jippromwovi jew saħansitra jipparteċipa f’attivitajiet li jmorru kontra l-kuxjenza, u l-prinċipji u l-valuri li tħaddan dik il-persuna,” komplew l-Isqfijiet.

L-Isqfijiet temmew jgħidu li l-ugwaljanza vera tirrispetta lil kulħadd, tagħti spazju għad-differenzi u tiċċelebrahom, mhux teliminahom

More in Politika