'Jekk impjieg fi skola tal-Knisja mhux marbut mal-fidi, ma tistax issir diskriminazzjoni'

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar twieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM li jitrattaw l-Att dwar l-Ugwaljanza

Rosianne Cutajar
Rosianne Cutajar

"Skola tal-Knisja se jkollha kull dritt titlob li l-applikant iħaddan il-fidi Kattolika, jekk dik il-fidi hi neċessarja għall-impjieg partikolari. Jekk, iżda, l-impjieg ma jkollu xejn x’jaqsam mal-fidi, mela allura le, persuna m’għandhiex titlef xogħlha jekk tħaddan fidi differenti."

Hekk sostniet mal-gazzetta ILLUM is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar meta mistoqsija dwar l-Att dwar l-Ugwaljanza u ilmenti li saru minn ġenituri li jibgħatu lil uliedhom fi skejjel tal-Knisja u l-iskejjel infushom. 

Dawn qed jinsistu li Skola tal-Knisja għandu jkollha d-dritt li tħaddem għalliema  - għal kwalunkwe suġġett - li jkunu jsegwu etos Kattoliku u allura, naturalment li jkunu Kattoliċi. 

"Dan japplika għal kull post tax-xogħol, għal kull skola. M’hemm l-ebda trattament differenzjali jew privileġġat lejn xi fidi jew oħra f’dawn l-abbozzi," sostniet Cutajar. 

Hi fakkret lil din il-gazzetta illi wara kollox kull impjieg jeħtieġ rekwiżiti uniċi.  "Bħalma xogħol ta’ inġinier, per eżempju, jeħtieġ persuna gradwata fis-suġġett, bl-istess mod, hu naturali li impjieg relatat mar-reliġjon ikun jeħtieġ persuna bi twemmin partikolari."

Għalhekk dan l-abbozz jippreżenta l-kunċett tar-rekwiżit determinanti tax-xogħol, għaliex jirrikonoxxi r-realtajiet u d-diversità fid-dinja tal-impjieg," temmet tgħid dwar dan is-suġġett is-Segretarju Parlamentari. 

'Qed ngħollu l-istandards u nibgħatu messaġġ ċar'

Mistoqsija mill-gazzetta ILLUM x'se jbiddel dan l-Att Rosianne Cutajar qalet illi dan se jkun qed jipproteġi l-karatteristiċi ta’ kull individwu - fosthom il-ġeneru, ir-razza, u t-twemmin - f’kull qasam tal-ħajja, inkluż l-aċċess għas-servizzi, l-edukazzjoni, u l-impjieg. 

"Fil-passat, l-attitudni lejn l-ugwaljanza dejjem kienet waħda spezzettata. Dawn il-proposti leġiżlattivi jirrikonoxxu li l-ugwaljanza teħtieġ qafas legali sod, għaliex id-diskriminazzjoni jista’ jbati minnha kulħadd, irrispettivament mill-klassi soċjali jew oriġini," sostniet Cutajar.

Hija qalet illi dan hu abbozz li qiegħed "jgħolli l-istandards tal-qasam, u jgħaddi messaġġ ċar u simboliku: l-ugwaljanza mhijiex kelma sabiħa li nħallu fuq il-karta. L-ugwaljanza ngħixuha billi niġġieldu d-diskriminazzjoni strutturali, kif ukoll dik li tant nies isofru minnha ta’ kuljum."

Din hija l-intervista sħiħa mas-Segretarju Parlamentari:

 

Il-Gvern wera' l-interess biex il-EuroPride - l-akbar avveniment LGBTIQ+ fl-Ewropa - jiġi organizzat Malta fl-2023.  X'inhu l-iskop ta' dan?  Huwa strettament wieħed li jiġġenera aktar flus u turiżmu jew hemm messaġġ aktar profond f'dan l-interess?

Il-ħidma ta’ dan il-Gvern fl-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ hija waħda stabbilita’ u rikonoxxuta fuq livell internazzjonali. Dak li irnexxila tikseb Malta mhux biss fl-għoti tad-drittijiet ċivili bħal ma huma l-ugwaljanza fiz-żwieg; l-unjoni ċivili; id-dritt għar-rikonoxximent tal-identità tal-ġeneru ta kull persuna b’rispett sħiħ għall-integrità tal-persuna u awtonomija fiżika; access għas-servizzi tal-IVF; servizzi tas-saħħa għal persuni trans; dritt għall-adozzjoni minn koppji tal-istess sess fost oħrajn, huwa turija ta’ impenn li jmur lil hinn minn kwalunkwe motivazzjoni politika. 

L-istħarriġ li sar mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropeja juri li il-miżuri li ttieħdu f’dawn l-aħħar seba’ snin qed iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-persuni LGBTIQ u li d-diskriminazzjoni qegħda tonqos hekk kif jikber l-għarfien u l-inklużjoni tal-persuni LGBTIQ fis-soċjeta’.

Il-Gvern ilu numru ta’ snin jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-MALTAPRIDE lil organizzaturi ta’ dan l-avveniment li minn sena għal sena dejjem iżid fin-numru ta’ parteċipanti. Bħala Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli ipparteċipat ukoll f’diversi konferenzi marbutin mal-Prides madwar l-Ewropa inkluż dak ta’ Vienna, Madrid u l-Litwanja is-sena li għaddiet.

Li Malta jkollha l-opportunita’ li tospita EUROPRIDE kien  il-pass li jmiss biex inkomplu nuru impenn kontinwu favur l-ugwaljanza LGBTIQ. 

Dan l-avveniment jirriklama lil pajjiżna fuq livell Ewropew u Dinji u jwassal messaġġ b’saħħtu ta’ kemm pajjiżna jilqa’ b’idejħ miftuħin lill-komunita’ LGBTIQ.

 Oltrè mill-ħarsien ta' dak li nkiseb hemm xi tragwardi ġodda fil-qasam LGBTIQ+?

It-tragward l-aktar importanti huwa l-att ġdid dwar l-ugwaljanza u twaqqif tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

Permezz tal-Att dwar l-Ugwaljanza, inkun qed nestendu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni kollha inkluż dawk il-persuni LGBTIQ lil hinn mill-impjieg, f’kull sfera tal-ħajja. Permezz tat-twaqqif tal-Kummissjoni inkunu qed niffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet li l-Att dwar l-Ugwaljanza ser jagħti.

Sa dan it-tant qed inkomplu bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ 2018-2022. Dan ifisser taħriġ ta’ diversi professjonisti fil-qasam tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-kura tal-anzjani, tal-migrazzjoni u tas-servizz pubbliku fost ohrajn biex il-liġijiet li għandna fis-seħħ isarfu fl-inklużjoni fis-setturi kollha.

Ifisser ukoll li nkomplu naħdmu biex naqsmu l-prattiċi tajba li implimentajna ma pajjiżi oħra kif spiss nintalbu nagħmlu f’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u Barranin.

Ser ukoll nkomplu nsaħħu it-taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem biex ikollna r-riżorsi meħtiega biex nilħqu il-miri tagħna fil-qasam tal-ugwaljanza LGBTIQ.

L-għan aħħari tagħna hija li nrawwmu soċjeta’ li tirrispetta d-dinjita’ ta’ kull persuna u li ħadd ma jiġi mfixkel milli jilħaq il-milja tiegħu minħabba xi preġudizzju jew diskriminazzjoni. Dan jirrekjedi sforz kontinwu ta’ edukazzjoni u għarfien kif ukoll ta’ infurzar ta’ liġijiet.

L-Att dwar l-Ugwaljanza:  X'se tkun qed tbiddel din il-liġi f’dan il-qasam?

Flimkien mal-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, dan l-Att se jkun rivoluzzjonarju għall-qasam tal-Ugwaljanza. Fi ftit kliem, se jkun qed jipproteġi l-karatteristiċi ta’ kull individwu (fosthom is-sess, ir-razza, u t-twemmin) f’kull qasam tal-ħajja (inkluż l-aċċess għas-servizzi, l-edukazzjoni, u l-impjieg). 

Fil-passat, l-attitudni lejn l-ugwaljanza dejjem kienet waħda spezzettata – piecemeal. Dawn il-proposti leġiżlattivi jirrikonoxxu li l-ugwaljanza teħtieġ qafas legali sod, għaliex id-diskriminazzjoni jista’ jbati minnha kulħadd, irrispettivament mill-klassi soċjali jew oriġini. Dan hu abbozz li qiegħed jgħolli l-istandards tal-qasam, u jgħaddi messaġġ ċar u simboliku: l-ugwaljanza mhijiex kelma sabiħa li nħallu fuq il-karta. L-ugwaljanza ngħixuha billi niġġieldu d-diskriminazzjoni strutturali, kif ukoll dik li tant nies isofru minnha ta’ kuljum. 

Il-Prim Ministru Robert Abela fdani b’din ir-responsabbilta’ u nhares il quddiem bi kburija li qed inkompli nahdem biex dawn l-abbozzi jsiru ligijiet, fi process li bdiet l-eks Ministru u lllum Kummissarju Ewropew Dr. Helena Dalli.

Għalfejn skola tal-Knisja m'għandhiex dritt - ladarba hija topera  b'etos reliġjuż - tiddeċiedi li timpjega nies li jħaddnu l-istess etos?  U din se tapplika għal skejjel li l-etos tagħhom mhuwiex nisrani imma ta' reliġjon oħra? 

Importanti li hawnhekk niċċaraw l-affarijiet. Kull impjieg jeħtieġ rekwiżiti uniċi. Bħalma xogħol ta’ inġinier, per eżempju, jeħtieġ persuna gradwata fis-suġġett, bl-istess mod, hu naturali li impjieg relatat mar-reliġjon ikun jeħtieġ persuna bi twemmin partikolari. 
Għalhekk dan l-abbozz jippreżenta l-kunċett tar-rekwiżit determinanti tax-xogħol, għaliex jirrikonoxxi r-realtajiet u d-diversità fid-dinja tal-impjieg. 

Applikat għall-kuntest ta’ skola tal-Knisja, allura, dan ifisser li dik l-iskola jkollha kull dritt titlob li l-applikant iħaddan il-fidi Kattolika, jekk dik il-fidi hi neċessarja għall-impjieg partikolari. Jekk, iżda, l-impjieg ma jkollu xejn x’jaqsam mal-fidi, mela allura le, persuna m’għandhiex titlef xogħlha jekk tħaddan fidi differenti. 

Dan japplika għal kull post tax-xogħol, għal kull skola. M’hemm l-ebda trattament differenzjali jew privileġġat lejn xi fidi jew oħra f’dawn l-abbozzi. 

X'jgħid l-Att dwar l-ugwaljanza ta' razez f'Malta?  Se jinqata' darba għal dejjem (suppost kellha tkun introdotta skema li tirregolarizza l-prattika, mħabbra f'Baġit) l-abbuż ta' nies li jitħaddmu mill-bankini u t-toroq b'kundizzjonijiet dubjużi? 

Ir-razza, n-nazzjonalità, l-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika jew nazzjonali – dawn huma lkoll karatteristiċi li ħadd ma jista’ jiddiskrimina kontrihom. Dan jinkludi, iva, l-impjieg, iżda mhux biss. 

Persuna ma tistax tiġi miċħuda servizz jew prodott, per eżempju. Ma tistax tiġi miċħuda opportunità edukattiva, servizz finanzjarju jew kura medika.

Permezz tal-Kummissjoni l-ġdida dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, se nintroduċu Bord kważi-ġudizzjarju speċjalizzat fuq kawżi ta’ diskriminazzjoni, li jkun iktar aċċessibbli u spedit mill-Qrati preżenti. Ladarba jibdew jitressqu dawn il-kawżi quddiemu, konvinta illi ċertu prattiċi jinqatgħu darba għal dejjem. 

Dawn l-abbozzi galadarba jghaddu mill-Parlament, se jwassluna biex inkunu fil-quccatta mhux biss f’dawk li huma drittijiet LGBTIQ+ izda wkoll f’dik li hija ugwaljanza.

More in Politika