Filmat | 'Nammetti li stajt kont aktar attent' - Grech dwar il-ħlasijiet tat-taxxa u l-VAT

Bernard Grech spjega li biex ikollu kollox sew neħħa kull kontestazzjoni li kellu fuq penali u anke imgħaxx u saħaq li llum ma għandux ċenteżmu x'jagħti f'taxxa

Il-kandidat prospettiv għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech irreaġixxa għall-istorja ppubblikata lbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM dwar il-fatt li kellu kontijiet pendenti kemm ta' taxxa tad-dħul sal-2011 u anke ta' VAT sal-2019 li b'kollox jgħoddu għal ftit aktar minn €62,000.

F'filmat ippubblikat fuq Facebook, Grech saħaq li jinsab imħasseb u ammetta li seta' kien aktar attent biex din is-sitwazzjoni ma sseħħx.

"Ġimgħat ilu, qabel ma bdejt din il-mixja jiena ħadt ħsieb li nivverifika kull pendenza li seta' kelli. Nifhem ukoll li bħala politiku rrid inkun ħafna aħjar minn hekk. Nemmen li l-politiċi għandhom riga aktar għolja ta' kif għandhom iġibu ruħhom fil-ħajja pubblika u jiena lest u rrid li nagħmel dan ukoll," saħaq Grech.

L-Avukat Grech insista li biex ikollu kollox kif suppost, neħħa kontestazzjoni li hu kellu fuq xi penali u anke imgħaxx. Fakkar li bħala ċittadin kellu dritt jagħmel dan.

"Dan id-dritt irrinunzjajt għalih biex qabel inpoġġi n-nomina tiegħi għal kariga tal-Kap tal-PN ma jkolli l-ebda diffikultà," saħaq Grech.

Kien hawn li insista li jista' jgħid b'wiċċu minn quddiem li ma għandu l-ebda ċenteżmu pendenti mal-Dipartiment tat-Taxxa u l-VAT. Madanakollu, mal-ILLUM, Grech naqas milli jispjega kif saru dawn il-pagamenti u bagħat biss iċ-ċertifikat li juri li hu ma għandu l-ebda ħlas pendenti.

"Dan nifhmuh għaliex qed jiġri. Il-Partit fil-Gvern qed jinkwieta bis-serjetà fuq is-surveys pożittivi u li jimlewna b'kuraġġ li ħarġu lbieraħ," insista.

Fi kliemu, il-Partit Laburista la qed jieħu gost bih u lanqas jara lill-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u insista li storja bħal din timlih b'aktar kurraġġ.

"Se jkun hemm aktar attakki imma nafu li flimkien nistgħu nirbħu," insista Grech.

More in Politika