Esklussiva | Grech ma jgħidx kif ħallas €62,000 f'taxxa u VAT li kellu pendenti fuq medda ta' snin

Bernard Grech ġie notifikat mill-Qorti biex iħallas taxxa pendenti fl-2006 u l-2012, filwaqt li kellu kont ta' madwar €29,000 xi jħallas f'VAT.  Hu jwieġeb billi juri ċertifikat uffiċjali li juri illi m'għandu ebda pendenzi mad-Dipartiment ...

Bernard Grech
Bernard Grech

Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela illi l-Kandidat prospettiv għall-kariga ta' Kap Nazzjonalista Bernard Grech kellu kontijiet pendenti kemm ta' taxxa tad-dħul sal-2011  u anke ta' VAT sal-2019 li b'kollox jgħoddu għal ftit aktar minn €62,000.  Minkejja dan, Grech ma spjegax - meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM kif tħallsu dawn il-flus ladarba hu pprovda lil din il-gazzetta b'ċertifikat mill-Kummissarju tat-Taxxi (Ara ritratt mehumuż) li juri illi dan m'għandu ebda kontijiet pendenti. 

Għall-pagament tat-Taxxa tad-Dħul huwa kien saħansitra nnotifikat bil-Qorti fl-2012 biex iħallas €33,684 u kien notifikat ukoll fl-2006. 

F'Ġunju 2006 id-Dipartiment tat-Taxxi (IRD) bagħat ifakkar lil Grech illi għas-snin 1990 u l-1996 hu kellu jgħaddi LM1,135 (€2,643.84) f'taxxa ta' dħul.  Id-Dipartiment wissa lil Grech illi għal dawn is-snin kellu jħallas dawn l-ammonti rispettivament:  Lm31, Lm 105, Lm 98, Lm179, Lm 191, Lm 252 and Lm 279.

Minħabba li l-ħlasijiet ma sarux f'Ottubru 2006 id-Dipartiment ħa l-materja fil-Qorti tal-Maġistrati li ppubblikat notifika biex Grech iħallas l-ammont dovut jew inkella jiffaċċja azzjoni legali. 

Waħda minn notifiki tal-Qorti
Waħda minn notifiki tal-Qorti
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM, il-Ħadd 6 ta' Settembru 2019
Il-faċċata tal-gazzetta ILLUM, il-Ħadd 6 ta' Settembru 2019

Sitt snin wara f'Ġunju 2012, l-IRD mill-ġdid sab illi għas-snin 1999 sal-2011 ma kienx ħallas €33,684 f'taxxa tad-dħul u mill-ġdid Grech ġie notifikat mill-Qorti  - Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili - biex jagħmel dan fi żmien jumejn. 

 Jidher illi f'dawn il-każijiet Grech daħal fi ftehim biex iħallas lura dawn l-eluf pendenti f'taxxa, minkejja li sorsi li tkellmu mal-ILLUM u li huma qrib il-Partit Nazzjonalista sostnew illi Bernard Grech ħallas kollox jew dak li kien għad fadallu dakinhar stess li tefa' n-nomina tiegħu għall-kariga ta' Kap tal-PN.

Minkejja li din il-gazzetta staqsiet b'mod ċar kif saru l-pagamenti, Grech ma weġibx. 

It-tweġiba tal-kandidat kienet iċ-ċertifikat li qed jiġi ppubblikat ma' dan l-artiklu. 

... u €29,000 fi ħlasijiet ta' VAT

Imma mhux biss.  Grech waqa' lura fil-ħlas tal-VAT mill-2014 sal-2019 b'madwar €29,000. 
Matul dawn is-snin, Grech, li huwa avukat bi professjoni ddikjara dħul ta': €37,500, €33,200, €30,900, €33,426, €31,819 u €28,790 rispettivament.

Anke hawnhekk Grech kellu jidħol f'arranġament ta' ħlas.

Sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta staqsew kif avukat tal-familja qed jiddikjara biss dawn l-ammonti u allura kif seta' ħallas ammont ta' flus f'daqqa. 

Iċ-ċertifikat ippreżentat minn Grech
Iċ-ċertifikat ippreżentat minn Grech

Il-mistoqsijiet tal-ILLUM lil Bernard Grech

1 - Fl-2006 inti rċevejt notifika mill-IRD li tatek struzzjonijiet biex tħallas pagamenti ta' bejn l-1990 u l-1996 u notifika mill-Qorti mbagħad għal ħlas ta' dan l-ammont (LM 1,135). Meta ħallasthom lill-IRD u għaliex ma ħallastx it-taxxi għal dawn is-snin?
2 - F'Ġunju 2012 inti rċevejt assessjar ġdid mill-IRD għas-snin 1999 - 2011 u ġejt mitlub tħallas €33,684 f'taxxa, interessi u penali.  Għal dawn il-ħlasijiet ġejt mogħti t-tieni notifika.  Meta ħallast u għaliex ma ħallastx din it-taxxa matul dawn is-snin?
3 - X'taxxa pendenti għadek qed tħallas lill-IRD bħalissa?
4 - Inti kont ordnat tħallas lid-Dipartiment tal-VAT għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019 għal total ta' madwar €29,000.  Meta ħallast dawn il-pagamenti?  Għaliex ma ħallstx din il-VAT fil-ħin?
5 - Meta tqis li bejn l-2014 u l-2019 id-dħul annwali medju kien ta' €32,600, tista' tispjega l-oriġini u s-sors tal-flus li użajt biex tħallas VAT pendenti?
6 - Għandek ċertifikat ta' konformità?  Meta nħareġ mid-Dipartiment?

More in Politika