'Joseph Muscat mhuwiex qed jiġi investigat imma jekk ikun hemm bżonn nieħu deċiżjoni neħodha'

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid illi jekk ikun hemm bżonn jieħu deċiżjoni, jieħu - anke dwar Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi mill-ġurnalisti, qal li hu lill-Pulizija jħallihom jagħmlu xogħolhom "mingħajr indħil" tkun min tkun il-persuna u qal illi sa issa ma jidhirx  li se tittieħed azzjoni kontra l-eks PM Joseph Muscat.

Fakkar li Joseph Muscat ma jokkupa ebda rwol fil-Gvern u kien ta biss opinjoni dwar miżuri li għandhom jittieħdu waqt il-pandemija.  "Mhuwiex qed jiġi investigat.  Jiena qed insegwi x'inhu jiġri u jekk ikun hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet,  jittieħdu."  Abela ċċara li l-eks PM ta biss opinjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-pandemija u qatt ma kien konsulent tiegħu jew tal-Gvern.

Fl-aħħar seduti fil-Qorti, fix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra l-eks Prim Ministru ssemma' diversi drabi fir-rakkont li dan għamel tal-interrogazzjoni ta' Yorgen Fenech.  Dan mhux biss kien qal lill-pulizija li l-mandant huwa Keith Schembri u li dan ħallas €80,000 biex Caruana Galizia tinqatel, imma qal ukoll li wara l-assassinju Muscat kien wieħed minn tlieta minn nies konxji li Schembri - allegatament - huwa l-mandant.  Meta mistoqsi minn dan is-sit Joseph Muscat ċaħad b'mod assolut li dan huwa minnu. 

Fenech kien qal ukoll li ltaqa' mal-eks PM darbtejn - darba f'Kastilja u darba l-Girgenti, fil-festin għal għeluq snin l-istess Muscat. 

Dwar l-ilment ta' Carmel Pace dalgħodu, il-PM Abela qal li l-armel għandu ir-review tal-inċident li ħalla l-martu bla ħajja f'idejh u wiegħed li huwa disponibbli għall-familja, fejn ikun hemm bżonn.  Huwa ħabbar ukoll li sal-bieraħ stess il-Ministru responsabbli għadda abbozz ta' liġi lill-Kamra tal-Periti filwaqt li se ssir diskussjoni mal-istakeholdeers kollha fir-rigward ta' dawn il-bidliet fil-liġi.

Intant f'attività ftit minuti qabel għadda dawn il-kummenti Abela ħabbar illi s-Suppliment tal-Paga u anke l-vouchers se jiġu estiżi b'xahar. 

 

More in Politika