'Miriam it-telfien tiegħek ma sewa għal xejn ... kollu duħħan' - Carmel

Carmel Pace saħaq li għadu sal-lum imur jibki fuq il-qabar ta’ martu u sal-lum għadu jistaqsi jekk din it-traġedja seħħitx vera

“Miriam it-telfien tiegħek ma sewa għal xejn ... kollu duħħan.” Hekk kiteb Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace li bħal-lum sitt xhur tilfet ħajjitha intortament meta ġġarfet id-dar tagħha biswit sit ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun.

Fuq Facebook, filwaqt li sellem lil martu, Carmel Pace wera t-tħassib tiegħu li llum, sitt xhur wara għadu ma sar xejn konkret biex ikun assigurat li inċident bħal dan ma jerġax iseħħ.

“Il-midja kollha, il-politikanti, l-awtoritajiet kollha għamlu diversi stqarrijiet li saħansitra tasal li tgħid li almenu tgħallimna xi ħaġa u l-poplu jista’ jgħix trankwill fid-dar tiegħu,” kiteb Carmel iżda kompla jgħid li sitt xhur wara, ir-rapport mitlub mill-Prim Ministru ma sar xejn aktar dwaru u talba biex issir inkjesta pubblika ġiet injorata.

“Nispera li f’ħaġa bħal din, fejn bi traskuraġni ntilfet ħajja, ma jidħolx l-element partiġġjan,” appella Pace.

F’April li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li l-Kumitat li twaqqaf biex jirrevedi l-prattiċi tal-industrija tal-kostruzzjoni lesta x-xogħol tiegħu u anke ħejja rapport kif mitlub. Madanakollu, dwar dan baqa' qatt ma nstema' xejn.

Pace kompla jisħaq li għadu sal-lum imur jibki fuq il-qabar ta’ martu u sal-lum għadu jistaqsi jekk din it-traġedja seħħitx vera.

“Malajr niġi f’tiegħi u nirrealizza kif spiċċat. Spiċċajt mingħajr l-aktar persuna li kienet kollox għalija. Spiċċajt mingħat l-isbaħ tifkiriet ta’ ħajti. Spiċċajt bla dar. Spiċċajt bla ħwejjeġ. Spiċċajt tiela’ u nieżel il-Qorti biex nieħu dak li qerduli. Spiċċajt mentalment imkisser,” temm jgħid Pace.

Intant, dwar il-mewt ta’ Pace, erba’ persuni qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali, fosthom il-perit u anke l-kuntrattur tas-sit tal-kostruzzjoni biswit dik li kienet id-dar ta’ Pace.

More in Socjali