Wasal iż-żmien li l-COLA tingħata l-ġenb? Il-Gvern se jibda jistudja l-kunċett tal-Living Income

Il-Living Income huwa mekkaniżmu differenti mill-COLA (li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) u li jipprovdi għal dħul aktar diċenti għal kulħadd

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkummissjona rapport tekniku dwar dik magħrufa bħala l-living Income, mekkaniżmu differenti mill-COLA (li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) u li jipprovdi għal dħul aktar diċenti għal kulħadd.

Il-gazzetta ILLUM kemm-il darba kitbet dwar dan anke meta tkellmet mal-Alleanza Kontra l-Faqar li ilha żmien tinsisti li għandu jinbidel il-mekkaniżmu li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Iż-żewġ unjins ewlenin ukoll kienu saħqu mal-ILLUM li wasal iż-żmien li dwar dan il-kunċett tibda diskussjoni serja.

Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol Carmelo Abela waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

“L-għan li nistudjaw l-kunċett ta’ Living Income bażiku huwa li nassiguraw dħul aktar diċenti għall-kulħadd," qal Abela

Il-Ministru qal li l-Ekonomista u Professur Joe Falzon ser ikun qed jagħmel din ir-riċerka fejn ser ikun qed jibda billi jħares lejn l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra b’rabta ma’ dan il-kunċett. 

Il-Ministru Carmelo Abela
Il-Ministru Carmelo Abela

Huwa se jagħti wkoll stimi preliminari ta’ kemm jista’ jiġi jiswa l-aktar mudell ideali ta’ Living Income bażiku għal Malta u kif dan jitqabbel ma’ sistemi ewlenini tas-sigurtà soċjali li huma offruti bħalissa.

L-eżitu ta’ din ir-riċerka se tiġi ppreżentata lill-membri tal-MCESD għal iżjed diskussjoni.

L-aAleanza kontra l-Faqar dejjem saħqet li l-mod kif tinħadem  il-COLA hija l-aktar inġusta ma’ dawk bi dħul baxx u għalhekk ilha tipproponi li ftit ftit il-COLA tkun eliminata u minflokha jiddaħħal il-kunċett tal-Living Income.

Fi kliem sempliċi, il-Living Income huwa dak id-dħul minimu li inti jkollok bżonn f’Malta biex tgħix ħajja diċenti u għalhekk, ir-riga (kif kien isejħilha l-mibki Charles Miceli) ma jibqgħux in-numri u l-indiċi tal-prezzijiet iżda l-ħajja dinjituża li kulħadd għandu dritt għaliha.

Aqra wkoll:

More in Politika