'Vera ħloqna l-ġid imma fallejna f'punt wieħed: It-tqassim tiegħu' - Alleanza kontra l-Faqar

Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar jirreaġixxi għar-rapport EU-SILC u jitkellem dwar abbużi u bżonn ta' bidliet fis-sistema biex l-fqir jingħata dinjità

Matthew Borg
Matthew Borg

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM dwar ir-rapport SILC Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) qal illi dan iż-żmien tal-imxija l-Alleanza ltaqgħet ma’ bosta każijiet ta’ nies fil-faqar.

"Tajjeb imma li nibqgħu ċċentrati ħalli ma nintilfux: dawn il-persuni ma ftaqrux minħabba l-imxija, ftaqru għax kienu diġà fil-faqar fi żmien li kien imlaqqam “l-aqwa żmien” u “iż-żmien tas-surplus”.  Li rrid ngħid hu, mhux biex nikkritika l-kliem użat mill-Gvern, iżda għax nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li qabel l-imxija il-ġid veru kien qed jiżdied imma konna qed infallu fl-aktar punt importanti - it-tqassim tal-ġid," saħaq Borg.

Huwa qal illi każ partikolari li l-AKF iltaqgħet miegħu huwa ta’ ħaddiem full-time f’lukanda. Borg jispjega:  "Dan il-proxxmu tawh kuntratt li fih qalulu li kienu se jħallsuh 20% inqas paga imma ma jkeċċuhx. Legalment dan jista’ jsir bil-patt u l-kundizzjoni li dan il-proxxmu jaħdem 20% inqas. Ir-realtà hi li dan baqa’ jaħdem l-istess sigħat. Spiċċa jaqla’ €700 fix-xahar li €550 jmorru għall-kera. L-aktar li ltqajna ma’ persuni abbużati huwa fil-qasam tal-lukandi."

Huwa qal illi fil-verità  - skont ir-rapport tal-NSO hawn 178,420 persuna fil-faqar jekk mill-paga tneħħi l-benefiċċji tal-Gvern. 7.8% tal-popolazzjoni jaħdmu u huma foqra. "Jista’ jkun li tagħti 40 siegħa minn ħajtek kull ġimgħa biex tibqa’ tgħix fil-faqar? L-iskuża li l-fqir ma jafx iħaddem flusu ma treġi xejn. Il-lussu li tilgħab bi flusek huwa ta’ min huwa komdu. Nisfurzaw lilna nfusna biex ma naqgħux fin-nassa faċli li dejjem inwaħħlu fil-magħkus għas-sitwazzjoni li jinsab fiha."

'Il-kalkolu tal-COLA mhuwiex ġust'

Borg sostna mal-ILLUM li l-kalkulazzjoni taż-żieda tal-għoli tal-ħajja (il-COLA) mhix ġusta.  "Jekk jien naqla’ €100 mhix l-istess kieku naqla’ €1,000. Il-mekkaniżmu tal-COLA huwa inġust mal-aktar vulnerabbli - il-fqir."                           

"L-NSO jibbaża kalkulazzjonijiet li jsiru mill-Eurostat. Għandha ssir pressjoni mill-Ewroparlamentari tagħna biex das-suġġett jitla’ fuq livell Ewropew.  Malta nistgħu nixprunaw biex il-pagi kullimkien jitjiebu u l-foqra ma jibqgħux foqra.."
Borg jisħaq illi jekk irridu li d-dħul tal-ħaddiem jiżdied mhux infasslu policies li jżidu l-profitt ta’ min iħaddmu bit-tama li dan jagħti xi ħaġa żejda lill-ħaddiem. "It-trickle-down economics ma jaħdimx," jinsisti.  "Fil-fatt ħafna għadhom qed jistennew is-suppliment tal-Gvern mingħand min iħaddimhom."

Il-paga minima:  'Opportunità għal min irid iħaddem biċ-ċiċri'

"Il-paga minima oħra. Suppost qiegħda hemm biex tipproteġi lill-ħaddiem, imma fil-verità hi opportunità għal min irid iħaddem biċ-ċiċri," qal Borg. 

Huwa qal li min għamel il-profitti għandu jikkontribwixxi lura, per eżempju l-banek. 

"Il-Gvern jista’ jagħmel taxxa ta’ darba fuq il-profitti tal-banek (iż-żejjed wara li taqta’ l-ispejjż.) Bil-flus li jinġabru jingħataw supplimenti ogħla minn €800/500."

Huwa qal li għandu jsir moratorju ta’ vera fuq saffi ta’ persuni li jaqilgħu pagi baxxi u l-flus jinħafru sa ċertu żmien. "X’jiswa li twaqqafli l-loan għal xahar jekk ix-xahar ta’ wara rrid inħallashulek b’lura?"

X'qed jippropni Matthew Borg u l-Alleanza kontra l-Faqar?

1 - Jitwaqqfu gruppi ta’ diskussjoni biex isir tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA u żieda fir-rata ta’ 60% tad-dħul medjan. Dan għandu jsir fuq livell ta’ Parlament Ewropew u għandu jiġi xprunat mill-MEPs Maltin.

2  - Għandu jiġi introdott il-Living Income - dak id-dħul minimu li bih tgħix ħajja diċenti. Id-diċenza tal-ħajja tista’ tiġi kkalkulata u allura hi xjentifika u tista’ titwettaq. 

3 - Il-Gvern irid ikun proattiv u lest jisma’ lil NGOs bħall-AKF bl-istess mod li hu proattiv ma’ min iħaddem. 

4 - Jitwaqqfu prattiċi abbużivi fil-prezzijiet. Bħalma l-Gvern għamel għall-maskri.  Jiġu identifikati xi prodotti oħra u għal żmien l-imxija jinbiegħu bi prezz fiss.

5 - Jitfassal pjan nazzjonali dwar il-ħela tal-ikel sabiex ikel li jkun għadu tajjeb imma jkun se jintrema jgħaddi għand il-foodbanks. In-nies li jirrikorru għand il-foodbanks immultiplikaw minħabba l-covid.

Nota mingħand Matthew Borg: Konxjament użajt ‘fil-faqar’ kull fejn l-NSO juża ‘fir-riskju tal-faqar’. Għall-AKF ‘fir-riskju tal-faqar’ huwa faqar ukoll. Li tkun imsarnek f’saqajk jekk tinqala’ xi spiża huwa faqa

More in Politika