24,000 anzjan, 7,200 single parent u 17,000-il tifel u tifla f'riskju ta' faqar fl-2019

L-aħħar ċifri tar-rapport EU-SILC ma tantx huma kawża ta' ċelebrazzjoni hekk kif is-sena l-oħra - meta l-ekonomija kienet għadha qed tiġri, żdiedu dawk f'riskju ta' faqar.  L-ILLUM tħares lejn l-aktar ċifri u punti saljenti tar-rapport ...

Il-faqar f'Malta żdied fl-2019, anke jekk marġinalment
Il-faqar f'Malta żdied fl-2019, anke jekk marġinalment

Il-ġimgħa l-oħra l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ippubblika r-rapport EU-SILC tal-2019 li juri x'inhi l-qagħda soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin u dwar il-faqar.  B'kollox is-sena l-oħra - u allura qabel faqqgħet il-pandemija - Malta kellha ftit iktar minn 24,000 anzjan, 7,221 single parent u kważi 17,000 tifel u tifla f'riskju ta' faqar. 

It-total ta' persuni f'riskju ta' faqar f'Malta fl-2019 kien ta' 82,758, żieda żgħira ta' 0.3%.

Jidher ċar allura - kif juru diversi studji qabel - illi l-anzjani, dawk li m'għandhomx impjieg u familji b'ġenitur wieħed huma l-aktar gruppi ta' persuni/familj f'riskju ta' faqar. 

Xejn inqas minn 42.9%% minn dawk li huma f'riskju ta' faqar fl-2019 u li qed irabbu it-tfal, huma familji b'ġenitur wieħed, li jimmarka tnaqqis minn 48.6% fl-2018.  Dawn b'kollox jgħoddu għal xejn inqas minn 7,221 familja b'ġenitur wieħed li għandha dħul annwali li huwa inqas minn €9,212.

Imbagħad fost dawk li għandhom it-tfal u huma f'riskju ta' faqar hemm il-familji bi tlieta jew aktar ulied li jinsabu f'dan ir-riskju, b'33.1% jew total ta' 5,608. 

Minn fost dawk li qegħdin fir-riskju ta' faqar imma m'għandhomx tfal, 28.5% huma familji fejn hemm persuna waħda biss u aktar minn 65 sena, li jgħoddu għal xejn inqas minn 7,704.  Dan apparti li 26.7% ta' dan il-grupp ta' nies (f'riskju ta' faqar u bla tfal) huma dawk li jgħixu waħedhom imma għandhom inqas minn 65 sena. 

 F'termini ta' età l-aktar persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar, mill-ġdid, huma l-anzjani u pensjonanti b'aktar minn 27.7%, jew inkella 24,129 anzjan li jinsabu fir-riskju tal-faqar.  Din hija żieda ta' 2.3% mill-2018 meta dan il-persentaġġ kien ta' 25.4%. 

Warajhom hemm it-tfal b'16,857 tifel u tifla taħt it-18-il sena li jirrapreżentaw 20.6% ta' dawk li kienu fir-riskju tal-faqar fl-2019.

Il-faqar u x-xogħol

Il-faqar u x-xogħol, naturalment huma marbutin ma' xulxin, fil-fatt ftit aktar minn nofs dawk f'riskju ta' faqar li għandhom aktar minn 18-il sena huma persuni bla impjieg (53.5%).  Kważi kwart tagħhom huma persuni rtirati (24.1%) filwaqt li 32% huma persuni inattivi għal xi raġunijiet oħrajn.  Minkejja dan u minkejja li f'minoranza 6.5% ta' dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar għandhom impjieg. 

Naturalment ukoll, aktar kemm ikun hemm intensità ta' xogħol fost familja, inqas huwa ċ-ċans li l-membri jkunu f'riskju ta' faqar.  Fil-fatt 71.3% ta' dawk li qed jgħixu fi djar fejn hemm "intensità baxxa ħafna" ta' xogħol jinsabu f'riskju ta' faqar. 

Aktar minn 30% ma kinux jifilħu jħallsu għal vaganza barra mid-dar

Ir-rapport jagħti ħarsa wkoll lejn dawk li persuni li jifilħu jew ma jifilħux iħallsu għal dak li forsi ħafna jaraw bħala bażiku. 

Ftit iktar minn 30% qalu li l-familja ma taffrodjax tieħu mqar vaganza ta' ġimgħa darba fis-sena lilhinn mid-dar - jiġifieri hawnhekk lanqas qed jispeċifika r-rapport vaganzi barra l-pajjiż.

Madwar 15% qalu illi ma jifilħux għal spejjeż li ma jkunux ippjanati - dan allura qed nitkellmu dwar appliances jew ħsara infrastrutturali jew simili fid-dar. 

Bejn 5% u 10% tal-parteċipanti qalu li waqgħu lura fil-pagamenti ta' kontijiet tad-dawl u ilma, ħlas ta' self u self fuq id-dar jew ħlas ta' kirja. 

Bejn wieħed u l-ieħor l-istess ammont ta' nies ma jistgħux iżommu darhom sħuna b'mod adegwat fix-Xitwa.

Madwar 5% u 6%  qalu illi ma jifilħux jieklu ikla b'laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix tliet darbiet fil-ġimgħa. 

... il-ġeografija tar-riskju tal-faqar

Intant u finalment fejn jinsabu dawk in-nies li qegħdin f'riskju ta' faqar? 

Ir-rapport tal-NSO juri illi fl-2019 l-aktar li kien hemm riskju ta' faqar kien fin-nofsinhar tal-port, il-Belt Valletta u n-naħa ta' fuq tal-port. Dawn jinkludu diversi lokalitajiet fosthom, il-Kottonera, Il-Furjana, Tas-Sliema, Birkirkara, Ħal Qormi u aktar. 

It-tieni l-aktar żona fejn hemm nies f'riskju ta' faqar hija n-nofsinhar - li tinkludi postijiet bħal Marsaxlokk, Żejtun, Ħal Għaxaq u Birżebbuġa.

It-tielet l-aktar żona hija t-tramuntana li tinkludi lil San Pawl il-Baħar (Qawra/Buġibba/Burmarrad/Xemxija/Wardija)  u l-Mellieħa. 

More in Politika