'Il-paga minima f'Malta hija garanzija ta' ħajja mhux diċenti'

Ftit wara l-Baġit l-ILLUM tiltaqa’ mal-Alleanza Kontra l-Faqar li tappella favur il-Living Income, jiġifieri riga ġdida għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja bbażata fuq il-ħajja diċenti

Ftit jiem biss wara li l-Gvern ħabbar il-Baġit għall-2020, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Alleanza Kontra l-Faqar, organizzazzjoni li taħdem bil-għan li teradika kemm jista’ jkun il-faqar minn Malta u tassigura li kulħadd ikollu għajxien diċenti.

L-ewwel mistoqsija kienet waħda diretta u ċara, jiġifieri x’jaħsbu mill-Baġit u t-tweġiba tagħhom kienet sempliċi: “miżuri serji li verament jaqilgħu n-nies mill-faqar ma kellux.”

Tkellimna ma’ Matthew Borg li filwaqt li faħħar diversi miżuri li tħabbru, insista li l-Baġit reġa’ ħa triq ta’ one-size-fits-all fejn ma ħarisx biżżejjed lejn dik il-faxxa ta’ nies bi dħul baxx, f’riskju ta’ faqar u li l-ħtiġijiet tagħhom huma differenti minn dawk ta’ gruppi oħra fis-soċjetà.

Mhux qed jgħidu li ma kienx hemm miżuri tajbin. Borg faħħar is-sussidju tal-kera għal koppji bit-tfal li jaqilgħu sa €32,000 u li l-kera li jħallsu taqbeż il-25% tad-dħul gross tagħhom. Faħħar ir-rata ta’ taxxa ta’ 15% taxxa fuq l-ewwel 100 siegħa sahra u anke l-fatt li l-Gvern lest jgħin lil dawk ta’ taħt l-40 sena li ma għandhomx biex joħorġu f’salt l-10% depożitu biex jieħdu homeloan.

Fi kliemu, dawn kollha huma proposti tajbin u li se jgawdu minnhom l-aktar dawk bi dħul baxx, iżda l-mistoqsijia tiegħu hija waħda. “Dawn il-miżuri se jaqilgħu lin-nies mill-faqar? L-għan aħħari għandu jkun li taqla’ lin-nies mill-faqar.”

‘Il-COLA hija l-aktar inġusta ma’ min għandu dħul baxx’

Morna direttament biex nitkellmu fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jiġifieri dik ta’ €3.49 fil-ġimgħa. “Inti taħseb li min għandu dħul baxx, se ttejjiblu ħajtu?” staqsa Borg.

Insista li Baġit wara l-ieħor dejjem ħares lejn dawk li għandhom dħul baxx, inkluż l-anzjani, bħalha grupp għalihom u ma kkunsidrax ir-relazzjoni ta’ dan il-grupp ma gruppi oħra.

Spjega dan b’eżempju sempliċi. “Jekk inti taqla’ €50,000 fis-sena u jiena €10,000 ma jfissirx li inti tiekol ħobż u ħalib ħames darbiet aktar minni. Bażikament nieklu l-istess. Imma jekk jiena naqla’ ħafna inqas minnek, l-ammont li nonfoq fuq ħobż u ħalib jiġini aktar minnek bħala perċentwal mid-dħul.”

Il-problema u din ilha ħafna tingħad, hija l-famuża COLA, il-mekkaniżmu li bih tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u li tiddependi fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet li jindika l-inflazzjoni, jiġifieri kemm żdiedu l-prezzijiet tal-prodotti li nixtru.

Fi kliem Borg, iż-żieda fil-prezzijiet qed taffettwa l-aktar lil dawk bi dħul baxx. “Il-fatt li jien li qed naqla’ l-inqas qed ningħata żieda daqs ta’ xi ħadd li għandu paga għolja, ifisser li l-COLA qed tkun l-aktar inġusta miegħi,” insista.

Iċ-ċekk ta’ darba... ‘il-flus seta’ ħadhom minn tassew għandu bżonn’

Iżda din is-sena, fil-Baġit, il-Gvern ħaseb għal żieda fil-prezzijiet li ma kinitx riflessa fil-COLA, fosthom iż-żieda fil-prezz tal-ħalib u l-ħobż. Tant hu hekk li l-Gvern se jkun qed jibgħat ċekk ta’ darba ta’ €15 għal kull min jgħix waħdu u ta’ €35 għall-familja b’aktar minn persuna waħda.

Madanakollu, Borg, f’isem l-Alleanza, filwaqt li saħaq li dan iċ-ċekk se jaffetwa l-aktar lill-fqir, insista li hemm potenzjal mitluf u li fi kliemu seta’ jiġi sfruttat fejn hemm l-aktar bżonn.

Fi kliemu, min jaqlagħha tajjeb mhux se jagħmillu differenza ċekk wieħed ta’ €15 jew €35. “Il-flus seta’ ħadhom min tassew għandu bżonn u se jagħmlulu differenza,” insista Borg. “Fejn hemm proposti one-size-fits-all hemm ħafna riżorsi moħlija.”

Living Income: ‘riga li l-kejl tagħha hija l-ħajja diċenti mhux in-numri’

Kien hawn li dawwarna ħarsitna fuq dak li l-Alleanza Kontra l-Faqar qed tipproponi, jiġifieri li jiġi skreppjat il-mekkaniżmu tal-COLA u miflokha jiddaħħal il-kunċett tal-Living Income.

Iżda x’inhu eżatt dan il-Living Income?       

Borg beda billi saħaq li l-Gvern, bil-proposta tal-bonus ta’ darba diġà rrikkonoxxa li ż-żieda fil-prezzijiet taffettwa l-aktar lil dawk bi dħul baxx.

“Il-Living Income huwa dak id-dħul minimu li inti jkollok bżonn f’Malta biex tgħix ħajja diċenti,” saħaq Matthew Borg.

Kompla jispjega li r-riga, li biha tiġi kkalkulata l-Living Income, hija differenti ħafna.

Naf każijiet personali ta’ nies li jgħixu fil-karozzi. Li tgħix f’garaxx kważi kważi saret normali. Dħalt fihom jiena dawn il-garaxxijiet. Tirranġa kemm tirranġa fih qatt ma jista’ jkun ħajja diċenti

“Din tar-riga kien iħobb ħafna jużaha Charles Miceli. Irridu nbiddlu r-riga. Ir-riga l-ġdida għandha tkun il-ħajja diċenti. Il-kejl il-ġdid ma għandhomx jibqgħu n-numru tal-prezzijiet,” saħaq Borg. “Il-Living Income huwa kunċett li jibbaża fuq kuxjenza soċjali, għax ifisser dak id-dħul minimu li bih persuna f’Malta tkun tgħix ħajja dinjituża. Dan għandu jkun il-kejl: id-dinjità tal-bniedem.”

Iżda kif tista’ tikkalkulaha? Matthew Borg fakkar fiż-żewġ studji li wettqet il-Caritas: A Minimum Essential Budget for a Decent Lining, żewġ studji li saru kemm fi żmien Gvern Nazzjonalista u anke Gvern Laburista u li baqgħu fuq l-ixkaffa.

“In-numri dwar il-minimu tad-dħul li għandek bżonn biex tgħix ħajja diċenti u mhux fil-faqar, hemm qegħdin. L-NSO għandu dawn in-numri,” insista Matthew.

F’dawn l-istudji, il-Caritas kienet ikkalkulat id-dħul minimu biex persuna tgħix ħajja diċenti skont kemm jiswa basket ta’ oġġetti u servizzi essenzjali għal familji bi dħul baxx, liema basket jinkludi ikel, ħwejjeġ, iġene personali, mediċini, bżonnijiet tad-dar u servizzi bħat-telefown, dawl, ilma, gass u oħrajn.

Pereżempju fl-2016, koppja b’żewġt itfal kienet teħtieġ €11,446 fis-sena.

Charles Miceli kien iħobb jgħid li r-riga għandha tkun il-ħajja diċenti mhux in-numri
Charles Miceli kien iħobb jgħid li r-riga għandha tkun il-ħajja diċenti mhux in-numri

‘Il-paga minima f’Malta hija garanzija ta’ ħajja mhux diċenti’

Permezz tal-Living Income, kompla jisħaq Borg, inkunu qed nitbiegħdu mill-kunċett ta’ one-size-fits-all u nkunu qed inħarsu aktar lejn il-persuni u mhux sempliċiment in-numri.

“Irridu nimxu minn COLA bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet għal Living Income bbażata fuq il-ħajja diċenti,” insista Matthew Borg.

Borg fakkar ukoll fir-rapport dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu, magħruf bħala SILC u li fi kliemu, wera biċ-ċar li min jaqla’ l-paga minima f’Malta qed jgħix fir-riskju ta’ faqar.

“Min jaqla’ minn €9,000 jew inqas fis-sena mhux qed jgħix ħajja diċenti. Il-paga minima f’Malta hija garanzija ta’ ħajja mhux diċenti,” insista Matthew. “Jekk taqla’ inqas minn €1,100 fix-xahar tista’ tkampa? Jekk taqla’ €800 u għandek €400 kera (li kważi kważi hija ftit) tista’ tgħix ħajja diċenti? U jekk ma dawn inqalgħetlek spiża ta’ €100 oħra.”

‘Li tgħix f’garaxx saret kważi kważi normali’

Iżda hawn ħafna min sejjer tajjeb. Qed nitkellmu ħafna fuq il-faqar, imma kemm jiltaqgħu ma’ dawn il-każijiet? Kemm huma komuni? Vera hawn nies, Maltin, jorqdu barra?

Matthew beda jsemmilna pensjonant li jaf, li għandu paga baxxa u kull xahar għandu bżonn €200 mediċina. “X’se jifdallu?”

Semma koppji żgħażagħ, fejn ir-raġel jaqla’ l-paga minima u l-mara ma taħdimx u jgħixu bil-kera. “Dawn kif jistgħu jlaħħqu?” staqsa Borg.

Insista li anke każijiet ta’ Maltin jgħixu fit-triq. “Il-Maltin mhux imdorrija b’dawn ir-realtajiet u forsi għalhekk ma nemmnux. Naf każijiet personali ta’ nies li jgħixu fil-karozzi. Li tgħix f’garaxx kważi kważi saret normali. Dħalt fihom jiena dawn il-garaxxijiet. Tirranġa kemm tirranġa fih qatt ma jista’ jkun ħajja diċenti,” insista Matthew Borg. “Dejjem kellna minn dawn ir-realtajiet iżda issa qed joħorġu aktar fil-beraħ.”

Borg semma l-anzjani iżda dawn huma l-aħjar li marru f’dan il-Baġit. Ħadu €7 żieda fil-ġimgħa, trasport pubbliku b’xejn għal dawk li għandhom ’il fuq minn 75, l-anzjani li għandhom aktar minn 80 ħadu għotja ta’ €350 u l-għajnuna supplimentari telgħet għal €150. X’taħseb l-alleanza dwar dawn?

“Il-kwistjoni mhux jekk mortx aħjar jew le. Anke jekk tak ċenteżmu żieda mort aħjar. Il-kwistjoni hija dejjem dawk li huma fil-faqar,” insista Borg. “Hemm pensjonanti li għandhom pensjoni tajba, iżda hemm oħrajn li għandhom pensjoni miżera. Aħna dwar dawn in-nies nitkellmu. Taħseb li ż-żieda tejbitilhom ħajjithom?”

Jappellaw għal koalizzjoni biex il-Living Income ssir realtà

Iżda l-proposta biex il-COLA titwarrab fil-ġenb ilha tissemma u dejjem baqgħet hemm. Għalfejn ir-reżistenza?

Matthew Borg saħaq li l-ewwel u qabel kollox iridu jibdew jispjegaw lill-poplu x’inhu dan il-kunċett għax ħafna għadhom ma jistgħux jifhmuh iżda ammetta wkoll li anke l-awtoritajiet iridu jiftħu għajnejhom.

“L-għajta, anke dik elettorali, dejjem kienet fuq middle class ġdida. Vera li ħafna nies inqalgħu mill-faqar iżda hemm oħrajn li baqgħu lura u anke lil dawn irridu nindirizzaw,” insista Borg.

Iżda dak li qed jipproponu jista’ jsir? “Nistgħu,” insista Matthew.

Beda jisħaq li l-ewwel pass għandu jkun li togħla l-paga minima għal-Living Income. Minn hemm tibda t-triq biex ftit ftit, il-COLA titwarrab fil-ġenb.

Insista li dan jista’ jsir gradwalment. Jekk il-Living Income jrid ikun, pereżempju €1,000 fix-xahar, iż-żieda, minn €700 għal €1,000, tinqasam fuq snin differenti. “Ovvjament kull sena, iż-żieda tkun aġġustata sakemm inkunu lħaqna l-Living Income, li kull sena jrid jiġi aġġornat,” spjega Matthew.

Meta hemm proposti one-size-fits-all hemm ħafna riżorsi moħlija

Ovvjament, l-ewwel li se joqmos se jkun min iħaddem u forsi minn hemm ġejja l-akbar reżistenza.

“Jiena nemmen li kumpanija li lill-ħaddiema tagħha mhijiex kapaċi tagħtihom ħajja diċenti, lanqas għandha tkun hemm,” insista l-kelliem. “Minn hawn irridu nibdew.”

L-Alleanza qed tipproponi inċentivi fiskali biex jagħmlu tajjeb ħalli min iħaddem, dawk il-flus li s-soltu jgħaddihom lill-istat f’taxxi, jużahom biex itejjeb il-paga tal-ħaddiem. Il-Gvern mhux se joħroġ tellief, kompla jispjega Borg, għax wara kollox, meta għandek nies li kapaċi jgħixu ħajja diċenti se jħallsu aktar taxxa, qed jixtru aktar u r-rota tal-ekonomija qed iddur.

“Aħna m’aħniex tekniċi iżda nippretendu li min hu tekniku jaħdem magħna,” kompla Borg waqt li temm jappella lill-unjins tal-ħaddiema u NGOs ta’ natura soċjali biex jingħaqdu f’koalizzjoni biex il-Living Income ssir realtà.

More in Politika