Il-Partit Nazzjonalista jikkritikal-Budget 2026 tal-Gvern Laburista, u sostna li dan huwa “budget li jifrex il-flus, iżda ma joffrix soluzzjonijiet għal problemi li ilhom jimirħu fil-pajjiż.”
F’komunikat, il-PN qal li taħt il-Gvern ta’ Robert Abela, id-dejn tal-pajjiż se jittrippla għal €14-il biljun – rekord storiku li jfisser li l-Maltin u l-Għawdxin se jkomplu jħallsu kważi miljun ewro kuljum f’interessi fuq dan id-dejn.
Il-Partit sostna li minkejja żieda simbolika ta’ €4.66 fil-ġimgħa, iċ-ċittadini se jkollhom iħallsu aktar fit-taxxi, b’mod partikolari minħabba żieda ta’ €1,700 fis-sena fuq l-industrija tat-turiżmu permezz tal-hekk imsejjaħ eco-tax. “Filwaqt li jagħtik b’id waħda, il-Gvern jiġbor b’idejh l-oħra,” qal il-PN.
Skont il-PN, il-budget juri li l-Gvern Laburista tilef il-fiduċja li jista’ jsolvi l-problemi li hu stess ħoloq, fosthom il-konġestjoni fit-traffiku, in-nuqqas ta’ pjan ċar għal trasport pubbliku u infrastruttura li “tkompli tikrolla” minħabba tkabbir fil-popolazzjoni bla ebda pjan ta’ akkomodazzjoni jew investiment.
Il-partit semma wkoll tnaqqis ta’ €100 miljun fl-infiq kapitali meta mqabbel ma’ snin preċedenti, u kkundanna n-nuqqas ta’ proġetti ġodda f’Għawdex, fosthom l-isptar il-ġdid, il-vapur il-ġdid, il-binja tal-Qorti u skemi għall-iskejjel jew għas-saħħa mentali.
“Dan huwa budget li jifrex il-flus imma ma joffrix soluzzjonijiet. Il-flus jinqasmu… imma l-problemi jibqgħu,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista