L-MDA tilqa' l-Buġit b'mod pożittiv iżda turi tħassib dwar nuqqas ta' investiment kapitali

Il-Malta Development Association laqgħet b’mod ġenerali l-Baġit 2026 bħala wieħed pożittiv, b’mod speċjali għall-miżuri soċjali u tnaqqis fl-income tax għall-familji

Il-Malta Development Association (MDA) laqgħet b’mod ġenerali l-Baġit imħabbar mill-Ministru tal-Finanzi bħala wieħed pożittiv, b’mod partikolari mill-aspett soċjali.

F’reazzjoni uffiċjali, l-MDA qalet li l-Gvern kien f’pożizzjoni li jippreżenta Baġit li jinkludi tnaqqis sostanzjali fl-income tax għall-familji, żieda fil-pensjonijiet u miżuri soċjali oħra, mingħajr ma jintroduċi taxxi ġodda, grazzi għall-fatt li l-ekonomija baqgħet tikber.

L-assoċjazzjoni saħqet li s-settur tal-proprjetà u tal-kostruzzjoni, minkejja l-kontroversjalità tiegħu, jibqa’ wieħed kruċjali għall-ekonomija Maltija. “Dan is-settur isostni tip ta’ ekonomija li tħalli impatt pożittiv fuq setturi oħra. Il-proprjetà u l-kostruzzjoni jikkontribwixxu għal madwar 14% tal-valur miżjud b’mod dirett u indirett,” sostniet l-MDA.

L-organizzazzjoni żiedet tgħid li miżuri soċjali bħalma huma dawn jistgħu jkunu sostenibbli biss jekk jitkompla t-tkabbir ekonomiku, li fih is-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni għandu rwol ewlieni.

Sodisfazzjon fuq inizjattivi ta’ modernizzazzjoni u appoġġ lill-impjegaturi
L-MDA esprimiet sodisfazzjon ukoll li s-settur se jkun jista’ jibbenefika minn programmi ġodda u mtejjba għal modernizzazzjoni tal-makkinarju u diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, laqgħet b’mod pożittiv il-miżura li permezz tagħha min iħaddem jingħata għajnuna fil-pagi ta’ ħaddiema li ilhom numru ta’ snin fl-impjieg u li se jibbenefikaw minn żidiet.

L-assoċjazzjoni laqgħet ukoll l-inizjattiva tal-Property Malta Foundation, li se tniedi l-proġett tal-Property Price Register – pjattaforma online dinamika li se tipprovdi, għall-ewwel darba f’Malta, dejta komprensiva dwar tranżazzjonijiet kuntrattwali relatati mal-proprjetà.

Tħassib dwar tnaqqis fin-nefqa kapitali
Minkejja dan, l-MDA esprimiet diżappunt li n-nefqa kapitali kompliet tonqos, u wissiet li dan jista’ jwassal għal diversi problemi aktar ’il quddiem. L-assoċjazzjoni qalet li investiment kapitali sostenibbli hu essenzjali biex jinżamm it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-pajjiż

More in Politika