Il-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa se ġġib bidla fil-mentalita' tal-familji, jgħid Caruana

Il-Prim Ministru Robert Abela, Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-Ministru Clyde Caruana jwieġbu l-ġurnalisti f'Kastilja

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt il-konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt il-konferenza tal-aħbarijiet minn Kastilja

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa se ġġib bidla fil-mentalita' tal-familji Maltin u Għawdxin, hekk kif kompla u qal li Malta biss qed toffri proposti bħal din.

Caruana qed jitkellem fuq it-tibdil fil-faxxex tat-taxxi għal familji jew koppji b'tfal sabiex iħajru iżjed familji jkollhom iżjed tfal. Huwa faħħar il-gvern bħala wieħed kredibbli, li jwettaq dak li jwiegħed filwaqt li tefa' botta għal Partit Nazzjonalista fejn qal li l-PN hija inqas ambizzjuża fl-Oppożizzjoni.

Hu għamel referenza għal miżuri oħra li introduċa gvern Laburista li reġgħu ġew imsaħħa fil-baġit bħall-In-Work Benefit u ċ-Children's Allowance li skontu taw lil Gvern kredibbilta' fost l-elettorat li jwettaq dak li jwiegħed. "€160miljun fil-but tal-familji Maltin, is-sena l-oħra kellhom €160miljun."

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg tkellem fuq l-iskills pass u s-sostenibbilta' ta' dan il-baġit. Hu qal li minn Jannar li ġej, l-iskilss pass se tiġi estiża li tfisser li kull ħaddiem minn pajjiż terz irrid jgħaddi minn dal il-kors ta' integrazzjoni "għax min jiġi hawn irrid jaddatta u mhux bil-kontra."

Kemm Caruana kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela enfassizaw li fl-ebda pajjiż ieħor fl-Ewropa ma qed jingħata baġit daqshekk ġeneruż u li n-nies saru jaraw il-baġit b'antiċipazzjoni ta' x'ħa jieħdu din is-sena, b'referenza għal kultura ta' dipendenza li ħolqu dawn il-baġits ġenerużi.

Wieħed mill-ġurnalisti staqsa fuq il-kummenti li għamel Alex Borg fir-rigward ta' dan it-tnaqqis fit-taxxa fejn għal darba oħra Abela ħareġ b'attakk partiġjan u qal li Borg "jidher li ma fhemx id-diskors tal-Ministru Caruana." Meta l-istess ġurnalist staqsa kif ħa tiġi finanzjatha din il-miżura, Abela spjega li dan it-tnaqqis sa jwassal għal iżjed konsum, dak li huwa magħruf bħala multiplier effect. Barra minn hekk, il-gvern se jinċentiva setturi li se jkollhom l-inqas impatt fuq l-infrastruttura.

More in Politika