Scicluna dwar iż-żieda fid-defiċit: 'Mhux stat ta' paniku, il-kriżi sabet lil Malta b'saħħitha'

Il-Minstru Edward Scicluna sostna illi d-defiċit ta' biljun fl-ewwel seba' xhur tas-sena 

Mitlub mill-illum.com.mt jagħti r-reazzjoni tiegħu għall-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru illi fl-ewwel seba' xhur tas-sena pajjiżna kellu aktar minn biljun ewro f'defiċit, il-Ministru tal-Finanzi qal li m'hemmx għaliex isir paniku.  "Mhux stat ta' paniku għax din il-kriżi sabet lil Malta b'saħħitha.  Nifilħu għaliha u għandna biżżejjed arja fiċ-ċilindru għal sena oħra, mingħajr ma nitkissru u mingħajr ma ngħollu d-djun u d-defiċit b'mod eseġerat bħal ma qed jiġri f'pajjiżi bħal Franza" qal Scicluna lil dan is-sit. 

Scicluna fakkar illi ċ-ċifri li ġew ippubblikati llum jinkludu l-aktar xhur kiefra, kemm f'termini ta' tkabbir ekonomiku u f'termini tad-dħul tal-Gvern li waqa'. 

"Il-VAT tinġabar għax ikun hemm il-bejgħ.  It-taxxa tad-dħul tidħol għax ikun hemm il-profitti u jsir il-qligħ," qal il-Ministru tal-Finanzi dwar il-fatt li dawn iż-żewġ mezzi ta' dħul l-aktar li raw tnaqqis fl-ewwel seba' xhur tas-sena. 
Huwa jispjega illi filwaqt li Malta rreġistrat riżultati tajbin ħafna fl-ewwel kwart tas-sena (Jannar - Marzu), fit-tieni kwart (April - Ġunju) Malta, bħad-dinja kollha, kienet qed tara lockdown parzjali jew totali.  "Il-lockdowns huma koroh għax mhux tonqos l-attività ekonomika imma tieqaf kompletament."

Huwa qal illi hemm limitu ta' kemm wieħed jista' jagħmel, fis-sens illi dan mhux riżultat ta' nuqqas ta' investiment imma primarjament d-daqqiet li qed jaqla' t-turiżmu. "It-turiżmu għandu effett kbir - minn produtturi tal-ħalib, tal-ħaxix ... ta' dak l-ikel li huwa magħmul Malta sa dawk li jikru l-karozzi.  Id-daqqa hija kbira għax it-turiżmu joħloq domanda kbira."

Mistoqsi jekk nistennewx awsterità fix-xhur u sena li ġejja Scicluna wieġeb fin-negattiv, anzi qal li "l-Gvern għen u se jkompli jgħin" f'din il-fażi differenti tal-pandemija biex tkun iffurmata ekonomija ġdida b'attivitajiet, realtajiet u prattiċi ġodda. 

 

More in Politika