'Se nkompli niltaqa' ma' kulħadd biex nisma' x'għandu xi jgħid kulħadd, inkluż Jason Azzopardi'

Bernard Grech jgħid illi kieku ried jinħeba ma kienx imur jiltaqa' ma' Jason Azzopardi f'kafetterija ... jisħaq li qed jiltaqa' ma' kulħadd biex jisma' l-opinjoni ta' kulħadd fil-partit

Bernard Grech
Bernard Grech

F'kummenti ma' dan is-sit Bernard Grech - kandidat propsettiv f'elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid, jekk il-Kunsill Ġenerali jagħżel din it-triq nhar is-Sibt - sostna illi kif kiteb fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook, hu beda u se jkompli jiltaqa' ma' kulħadd fil-partit biex jisma' x'għandu xi jgħid kulħadd.  Dwar storja maħruġa mill-midja tal-Partit Laburista ta' laqgħa bejnu u d-Deputat Jason Azzopardi, Grech qal illi "kieku kelli x'naħbi konna nitkellmu bit-telefon jew immorru għand xulxin, mhux f'kafetterija pubblika."

Hu jispjega kif qed jiltaqa' man-nies kemm dawk li jaqblu u anke ma' dawk li ma jaqblux ma' Delia. "Qed niltaqa' mad-deputati, ma' dawk li jekk issir din l-elezzjoni ikunu kandidati, mal-kunsilliera u mat-tesserati ... iltqajt u se nkompli ma' kulħadd, biex nisma' x'għandu xi jgħid kulħadd.  Inkluż Jason Azzopardi li huwa Deputat Nazzjonalista."

Huwa assigura lil dan is-sit illi Azzopardi mhux se jkun qed jimbotrta lilu imma lil ħaddieħor kif diġa', skont Grech, qed juri l-istess Deputat Nazzjonalista.  

Ara x'irrapportat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda dwar is-sitt persuni li qed jikkunsidraw bis-serjetà li jitfgħu isimhom.

Ara x'kien qal Bernard Grech f'intervista mal-ILLUM .

Bernard Grech sostna illi qed jiltaqa' ma' kulħadd sabiex jisma' l-opinjoni ta' kulħadd, "qabel nikkunsidra għażla li tfisser tibdil enormi għalija, għall-partit u għall-pajjiż ukoll." 

Kif jirrispondi Grech għall-akkuża li tradixxa lill-partit?  Għall-argument li Delia seta' tħalla jaħdem sal-elezzjoni ġenerali?

"Jiena personalment xtaqt li jekk ikun opportun dan id-diskors isir wara elezzjoni," beda jispjega l-avukat minn Birżebbuġa. "Imma ċ-ċirkostanzi huma li huma, kulħadd jaf fejn qegħdin - dan li qed isir u li se jsir huwa proċess demokratiku li miegħu qabel l-eżekuttiv, inkluż il-Kap innifsu." 

Temm ifakkar illi meta persuna ttellaq ma ttellaqx waħedha u qal illi jekk il-partit jasal f'dak il-punt, ħadd ma jista' jippretendi li xi ħadd ma jtellaqx.  "Dan huwa proċess demokratiku, maqbul minn kulħadd inkluż mill-Kap Adrian Delia."

More in Politika