Sitta jridu jtellqu biex isiru (jew jibqa') Kap tal-PN f'każ li l-Kunsill Ġenerali jagħżel elezzjoni

Ġimgħa qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali Bernard Grech, Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia, Mark Anthony Sammut u Alex Perici Calascione qed jikkunsidraw bis-serjetà li jitfgħu isimhom jekk issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista - Adrian Delia mistenni jtellaq magħhom ukoll

Jekk il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej se jagħżel it-triq li jimxi għall-elezzjoni ta' Kap ġdid Nazzjonalista jidher li hemm lista ta' nies li lesti jitfgħu isimhom biex jikkontestaw għal din l-ogħla kariga f'partit li bħalissa jinsab f'nofs kriżi politika u li qed jiffaċċja problemi kbar kemm biex jattira votanti ġodda imma b'mod speċjali biex iżomm il-votanti tiegħu stess li ilhom jonqsu mill-elezzjoni tal-2008. 

Bernard Grech:  Popolari imma 'ġdid'

Fuq quddiem għal din il-kariga ta' toqol kbir hemm l-avukat minn Birżebbuġa Bernard Grech.  Grech ilu jissemma għal din il-kariga u għandu s-saħħa tal-popolarità minn fost firxa tal-għeruq - kif jidher ċar mill-kummenti li jaqla' fuq il-midja soċjali imma wkoll kif ikkonfermaw is-sondaġġi li saru, kemm dawk ippubblikati fuq il-gazzetta oħt Maltatoday imma wkoll fuq dawk ta The Times. 
F'dak ta' The Times  - li huwa l-aktar riċenti -  is-sondaġġ juri illi Grech huwa meqjus bħala l-favorit biex jieħu post Adrian Delia jekk issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid. 

B'14% Grech qiegħed fuq quddiem bħala l-favorit minn fost il-votanti kollha u jsegwih hemm l-avukat Joe Giglio b'11%, filwaqt li 7% iridu li jibqa' Delia.  Skont dan is-sondaġġ 9% jemmnu li Roberta Metsola tista' tkun l-aqwa Kap tal-partit.
Dan jaqbel xi ftit jew wisq mas-sondaġġ mill-Mediatoday dwar kandidati prospettivi għat-tmexxija tal-PN li sar f'Diċembru li għadda. Fil-fatt mistoqsijin lil min jafdaw biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista, globalment, 15.1% qalu Bernard Grech, filwaqt li 12.9%  wieġbu li hija l-MEP Roberta Metsola. 

Minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 jidher ċar illi Grech jinsab fuq quddiem b'33.3% jgħidu illi jafdaw fih bħala Kap suċċesur filwaqt li 22.6% lil Roberta Mestsola.  L-istess sondaġġ juri illi 23% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 jemmnu li Delia jibqa' Kap li jafdaw fih. 

L-Avukat Bernard Grech
L-Avukat Bernard Grech

Roberta Metsola:  MEP, kompetenti imma "ta' Simon"

Roberta Metsola ukoll mistennija titfa' isimha għal elezzjoni li jista' jkun hemm fil-Partit Nazzjonalista. Metsola hija popolari fost il-votanti Nazzjonalisti u fl-aħħar żewġ elezzjonijiet tal-MEPs kienet l-aktar kandidata Nazzjonalista li kisbet voti. 

Fl-2014 hija kisbet 32,360 vot, b'Casa warajha b'eluf ta' voti b'19,582 vot.

 Fl-2019 kisbet 38,206 vot filwaqt li Casa kiseb 20,493 vot warajha. 

Fis-sondaġġi Metsola ġiet it-tieni post f'dan tal-Maltatoday u fir-raba' post fis-sondaġġ ta' The Times, kif diġa' ġie msemmi f'dan l-artiklu.

Delia jerġa joħroġ - għad għandu appoġġ , imma ma tax riżultati u bomba tal-ħin

Naturalment ma' dawk li nistennew illi jitfgħu isimhom hemm il-Kap kurrenti Adrian Delia li jemmen li għad għandu appoġġ qawwi fost it-tesserati, biżżejjed biex jirbaħ.

Għalkemm is-sondaġġi jmeruh dan - bl-aħħar wieħed jurih fdat fost in-Nazzjonalisti li vvutaw PN fl-2017 daqs Therese Comodini Cachia - wieħed ma jistax jinnega li l-Kap kurrenti għad għandu saħħa u appoġġ fil-partit, speċjalment fl-għeruq u anke fost il-kunsilliera. 
Delia mexxa lill-PN fi tliet snin pjuttost turbolenti bl-aħħar ġimgħat il-partit jispiċċa fi gwerra assoluta u qasma. 

49% ta' dawk li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali m'għandhomx fiduċja f'Adrian Delia, skont l-aħħar sondaġġ tal-Maltatoday (u lanqas f'Robert Abela).

Oħrajn li huma intertessanti

Hemm oħrajn li qed jissemmew u jista' jkun li jerġgħu jitfgħu isimhom għal din il-kariga. 

Fost dawn hemm Therese Comodini Cachia, il-magħżula tad-Deputati ribelli għal Kap tal-Oppożizjoni - li jidher minn dak li sorsi qalu lil din il-gazzetta f'dawn l-aħħar jiem ma tantx hija popolari ħafna mal-għeruq. Jidher li hemm appoġġ iżda fost it-tesserati.

Sorsi semmew ukoll lil  Mark Anthony Sammut u anke - mill-ġdid lil Alex Perici Calascione. 

Sammut għandu popolarità li ġejja minn fost dawk ta' kontra Delia u Perici Calascione huwa meqjus għażla nieqsa mill-eċitament pero' waħda sobrija u serja.  Minkejja dan kontrih hemm il-fatt li diġa' kkontesta fl-2017 u ma marx tajjeb.

Therese Comodini Cachia
Therese Comodini Cachia

 Sosri fil-PN li huma kontra Delia qaluna: "Aktar kemm ikun hemm kandidati, aktar aħjar.  ħalli iktar ikun hemm għażla minflok Delia."

L-akbar vantaġġi u żvantaġġi ta' Bernard

L-akbar vantaġġi ta' Bernard Grech huma li qatt ma ħa pożizzjoni jew tkellem kontra Adrian Delia - u għax mhuwiex fl-istrutturi tal-partit qatt ma vvota biex jitneħħa. 

It-tieni vantaġġ huwa li mill-ftit li nafu huwa politiku nadif u onest, filwaqt li xorta għandu kapaċitajiet komunikattivi ta' politiku ta' esperjenza. 
Huwa bniedem minn nofsinhar tal-pajjiż - meqjus tan-nies, fil-fatt ilu ftit ġimgħat iżur il-każini. 

L-akbar żvantaġġ tiegħu huwa li huwa ġdid għall-istrutturi tal-partit, eżatt kif kien Delia. Wara din l-esperjenza jista' jkun li dawk li ma jridux li jibqa' Delia isibuha diffiċli jerġgħu jivvotaw lil xi ħadd li mhux qiegħed fl-istrutturi tal-partit. 

Metsola: Mara, kompetenti imma "ta' Simon" 

Metsola hija meqjusa politiku kompetenti f'xogħolha fi Brussell u għal ħafna votanti Nazzjonalisiti  - qed ngħidu medja ta' 35,000 hawnhekk - iħossu li qed tagħmel biċċa xogħol tajba bħala MEP. 

Metsola tista' tkun dak li Miriam Dalli kienet se tkun għall-Partit Laburista - l-ewwel Kap mara. Dan minnu nnifsu huwa pożittiv għalkemm naturalment l-ġeneru waħdu ma jfisser xejn jekk persuna ma tkunx kompetenti. 
L-akbar żvantaġġ għaliha hija li vvutat u tat sehem attiv biex Delia ma jibqax Kap Nazzjonalista u ilha meqjusa persuna "ta' Simon". 

 Diversi jarawha wkoll tal-istess qatgħa u allura ftit jemmnu li tista' tagħmel dawk il-kisbiet elettorali li l-partit għandu bżonn. 

Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jibqa' Delia

Il-vantaġġi li jibqa' Delia hija li nukkleu ta' votanti li jippreferu lilu  ma jintilfux mill-partit u allura ċ-ċans huwa li l-emoraġija ma tiggravax.  Vantaġġ ieħor huwa li l-partit ma jkollux kap li xhur wara  - jista' jkun biss ftit xhur - ikollu jiffaċċja elezzjoni meta jkun għadu qed isib saqajh jew issib saqajha.

 L-iżvantaġġi li jibqa' huma:  L-ewwel u qabel kollox dak li jaf xi ħadd - mhux il-pubbliku - li għad irid joħroġ fir-rigward ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech, li dwarhom Delia qal li "ma nistax insibhom".  It-tieni nett minħabba żjajjar li seta' għamel għand Fenech u finalment l-inkjesta maġisterjali u żewġ investigazzjonijiet tal-pulizija li jirrigwardaw lilu:  Waħda dwar akkużi ta' ħasil ta' flus u oħra dwar allegati flus li għaddew mingħand Yorgen Fenech għal għand Delia, biex ma jkunx elett David Casa. 

Dan kollu jista' jkun aħbar li għad trid toħroġ minn issa sa elezzjoni ġenerali jew saħansitra qabel l-elezzjoni ġenerali, riċetta ċerta għal telfa ħafna akbar. 
Dan apparti li jekk jibqa' hu Kap tal-PN il-probabbilità hija li aktar nies ikomplu jitbiegħdu mill-partit - kif ilu jiġri dawn l-aħħar 10 snin, b'ħeffa akbar f'dawn l-aħħar tliet snin. 

Alkex Perici Calascione
Alkex Perici Calascione

More in Politika