'Mewta oħra bla sens u li setgħet tiġi evitata' - Moviment Graffitti

Moviment Graffitti jgħid illi minkejja ħafna wegħdi mill-mewt ta' Miriam Pace, baqa' ma sar xejn

Sqaq l-Erwieħ f'Bormla fejn miet ħaddiem f'sit ta' kostruzzjoni
Sqaq l-Erwieħ f'Bormla fejn miet ħaddiem f'sit ta' kostruzzjoni

"Il-mewt ta’ ħaddiem f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla dalgħodu huwa mewta oħra bla sens ikkawżata min-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni," qal il-Moviment Graffitti fi stqarrija. Filwaqt li l-grupp esprima x-xokk tiegħu għal mewt oħra f’sit tal-kostruzzjoni, ikkundanna wkoll in-nuqqas ta' azzjoni tal-awtoritajiet fl-introduzzjoni ta’ regolamenti aktar stretti fuq is-settur, u kompla billi qal li din il-mewt setgħet ġiet evitata u li "hija r-riżultat tas-sagrifiċċju tad-diċenza fuq l-altar tal-profitt tal-privat."

Il-Moviment Graffitti jfakkar li din il-mewta ssegwi dik ta’ Miriam Pace ftit tax-xhur ilu, it-tiġrif ta’ bosta djar fis-sajf tal-2019, u numru kbir ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, uħud minnhom fatali, tul is-snin li għaddew. "Quddiem dan kollu, kemm il-Gvern kif ukoll l-MDA ripetutament iddikjaraw li xtaqu jaraw regolamentazzjoni aħjar fis-settur, iżda kulħadd jista’ jara kif ma nbidel xejn."

“Din hija mewt oħra bla sens ta’ ħaddiem li dalgħodu ħareġ biex imur għax-xogħol, fejn probabbilment jitħallas salarju miżeru li kemm kemm jippermettilu jasal sal-aħħar tax-xahar. Nistaqsu ruħna jekk qatt se nkunu nafu x’jismu, jekk ħalliex familja warajh, u jekk hux se ssir ġustizzja għal din il-mewt,” il-grupp qal fi stqarrija.

“Drajna naraw lill-MDA u l-lobby tal-kostruzzjoni jxerrdu dmugħ tal-kukkudrilli wara inċidenti bħal dawn, iżda m’aħniex nistennewhom jirrikonoxxu ’l dan il-ħaddiem li miet. Dawk li huma sfruttati mill-kbarat tal-kostruzzjoni jiswew tassew ftit fl-iskala tal-importanza ta’ din il-lobby.”

Il-Moviment Graffitti temm jitlob lill-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġi regolarizzat dan is-settur, "li jemmen bl-arroganza kollha li huwa ’l fuq mil-liġi u sabiex tiġi introdotta leġiżlazzjoni sabiex jiġu protetti b’mod indaqs id-drittijiet tal-ħaddiema u r-residenti."

 

More in Politika