Wieħed imut u ieħor midrub f'inċident f'sit ta' kostruzzjoni f'Bormla

Inċident fi Sqaq l-Erwieħ iħalli persuna bla ħajja

Sqaq l-Erwieħ dalgħodu
Sqaq l-Erwieħ dalgħodu

Persuna mietet  - jidher li huwa ħaddiem barrani għalkemm l-identità tiegħu għadha mhix stabbilita - u oħra tinsab f'qagħda kritika wara illi ħajt waqa' f'sit ta' kostruzzjoni f'Bormla dalgħodu.  Mhux ċar sa  issa x'inhi r-raġuni  għalfejn seħħ dan l-inċident li wassal biex sfronda dan il-ħajt.

Il-persuna li tinsab f'qagħda kritika hija Maltija u ttieħdet l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8:30 a.m fi Sqaq l-Erwieħ.

Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, il-pulizija, l-ambulanzi u t-timijet mediċi jinsabu fuq il-post. 

Intant bdiet investigazzjoni li għaddejja mill-Pulizija tad-Distrett filwaqt li infetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ li qed titmexxa mill-Maġistrat Charmaine Galea.   

More in Kronaka