'Kull ġurnata li Delia jdum fil-kariga tfisser aktar ħsara għall-PN u għal Malta' - 19-il MP tal-PN

Id-19-il Deputat Nazzjonalista li sfiduċjaw lil Adrian Delia bl-ewwel komunikat uffiċjali tagħhom mal-midja

Adrian Delia, Kap tal-Prtit Nazzjonalista
Adrian Delia, Kap tal-Prtit Nazzjonalista

"Kull ġurnata li jibqa’ fil-kariga tfisser ħsara lill-Partit u lill-pajjiż.  Tliet snin ilu Adrian Delia ngħata l-mandat li jmexxi l-Partit Nazzjonalista, isaħħaħ l-istrutturi tiegħu, ikun ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli, u jkun preparat biex jirbaħ l-elezzjonijiet.  Madanakollu, tliet snin wara, il-fatti juru li Adrian Delia ma rnexxielux iwettaq dak li ġie fdat biex jagħmel. Il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia m’għadhiex aktar tenibbli.  Għandu jerfa’ r-responsabbilità billi jwarrab minn Kap tal-Oppożizzjoni. " 

Hekk sostnew fi stqarrija 19-il Deputat Nazzjonalista - liema grupp jinkludi iż-żewġ MEPs tal-Partit Nazzjonalista - li ħaduha kontra Adrian Delia fl-ewwel komunikat tagħhom b'mod uffiċjali lill-midja.   L-aħħar indikazzjonijiet juru li jista' jkun hemm Deputat ieħor li qed jappoġġja l-kawża ta' dawn id-19. 

Huma qed jisħqu li Delia għandu jirriżenja għaliex - skont huma - ma rnexxielux jgħaqqad lill-elettorat li dejjem ta appoġġ lill-Partit Nazzjonalista "u aktar minn hekk ma rnexxielux jikkonvinċi lil dawk il-votanti li kienu waqfu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Dan huwa kkonfermat mir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u rifless f’survey wieħed wara l-ieħor."

Id-19-il Membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir innutaw li Adrian Delia qiegħed jibqa’ "jwebbes rasu u qed ikompli jagħmel l-istess żbalji li ilu jagħmel għal dawn l-aħħar tliet snin bi ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista u lil pajjiżna."

Id-19-il Deputat huma - Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami, Mario De Marco, Claudio Grech, Therese Comodini Cachia, David Casa, Roberta Metsola, Stephen Spiteri. Kristy Debono, Hermann Schiavone, Chris Said, Kevin Cutajar, Ivan Bartolo (9 distrett), Karl Gouder, Ivan Bartolo (11-il distrett), Claudette Buttigieg, David Thake u Ryan Callus.

More in Politika