Tliet esperti fil-Kostituzzjoni jiċċaraw din x'tgħid dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni

Giovanni Bonello, Kevin Aquilina u Austin Bencini jgħidu illi meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jitlef l-appoġġ tal-maġġoranza l-President huwa obbligat li jfittex persuna oħra li tikkmanda din il-maġġoranza u jirrevoka l-mandat ta' dak kurrenti

Adrian Delia u l-President tar-Repubblika
Adrian Delia u l-President tar-Repubblika

L-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello, l-Kap tad-Dipartiment tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina u l-Espert Kostituzzjonali Austin Bencini t-tlieta li huma kkonfermaw illi l-Kostituzzjoni Maltija tagħmilha ċara li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa l-persuna li jikkmanda l-maġġoranza tad-Deputati fl-akbar partit tal-Oppożizzjoni, iżda dan ma jibqax applikabbli meta dak il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlef il-maġġoranza.

Dan ifisser li fil-każ ta' bħalissa jekk il-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti jagħżlu persuna oltrè minn Delia li għandha din il-fiduċja hija din il-persuna li ssir Kap tal-Oppożizzjoni - jgħid x'jgħid statut ta' partit.

Bencini jiċċara fl-opinjoni legali tiegħu li hemm differenza bejn il-ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni f'artiklu fil-Kostituzzjoni u t-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni f'artiklu separat.  Huwa jgħid illi l-Kap tal-Oppożizzjoni jinħatar  - ġeneralment u normalment wara elezzjoni ġenerali - u jkun il-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni, li f'dan il-każ huwa l-PN. Imma, fit-tpoġġija l-kliem huwa 'Kap tal-Partit' u fit-tneħħija l-kliem jinbidel għal 'Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti'. 

Benicini qal illi l-President huwa marbut bil-Kostituzzjoni Maltija biex jaċċerta li jekk MP ieħor li mhux il-Kap tal-Oppożizzjoni, għandu maġġoranza tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni jappunta lilu Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li jirrevoka l-mandat ta' dak kurrenti. 

L-Imħallef Emeritus Bonello jfakkar li hemm żewġ artikli fil-Kostituzzjoni, l-ewwel illi titratta t-tqegħid ta' Kap tal-Oppożizzjoni fil-bidu tal-Leġiżlatura u t-tieni wieħed jitratta l-ħatra ta' Kap tal-Oppożizzjoni waqt il-leġiżlatura.  Fil-każ tat-tieni artiklu - jgħid Bonello - il-President tar-Repubblika jeħtieġ jiddeċiedi skont min mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni jkun jikkmanda l-maġġoranza. 

Bonello jgħid illi f'każ fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlef il-maġġoranza tad-Deputati l-artiklu fil-Kostituzzjoni li jgħid illi l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-Partit jsir irrelevanti. 

Finalment Aquiilina jfakkar illi l-Kostituzzjoni tgħid illi huwa vera li l-Kap tal-Oppożizzjoni li huwa l-Kap tal-Partit iżda jinsisti illi meta dan jitlef il-maġġoranza ta' dan il-grupp dan ma jibqax applikabbli. 

More in Politika