'Kemm ilni fil-Korp qatt ma ħarist lejn wiċċ ħadd ... ħadd qatt ma ġie jħabbatli l-bieb'

Angelo Gafà approvat mill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi għall-Kummissarju tal-Pulizija

Illum kompla l-proċess għall-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija hekk kif il-kandidat favorit tal-kabinett, Angelo Gafà deher għall-iskrutinju quddiem il-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kumitat, Angelo Gafà insista li kemm ilu fil-Korp tal-Pulizija ħadd ma ħares lejn wiċċ ħadd u minħabba f'hekk ħadd qatt ma mar iħabbatlu l-bieb. Fi kliemu, dan qatt ma seħħx u mhux se jsir issa.

Waqt li tkellem fuq 'nuqqasijiet' fil-Korp tal-Pulizija, huwa saħaq dwar il-bżonn li jkun hemm ippjanar u anke policy dwar kif jaħdem il-Korp tal-Pulizija biex ikun hemm min ikun hemm Kummissarju, ix-xogħol isir sew.

Meta kien qed jitkellem dwar l-investigazzjonijiet ta' reati ta' korruzzjoni, inkluż minn persuni pubbliċi, Angelo Gafà tkellem dwar ir-rapport tal-Pulizija mal-midja u saħaq li mhux se jiddejjaq jiffaċċja lill-midja biex anke jinħoloq bilanċ dwar dak li jista' u dak li ma jkunx jista' jkun irrapportat meta tkun għaddejja investigazzjoni.

"Il-kommunikazzjoni mal-pubbliku hija kruċjali biex insaħħu l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija," insista Gafà.

Fakkar li f'Settembru li ġej, il-Korp tal-Pulizija se jkollu strateġija ta' trasformazzjoni li tbiddel u ttejjeb l-operat tal-Korp, xi ħaġa li ħadem fuqha bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija.

Fi kliemu, din l-istrateġija se jkun qiegħed jippubblikaha mhux biss fost il-membri tal-Korp iżda anke b'mod pubbliku.

Preżentament, Gafà huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija u aktar kmieni dan ix-xahar kien innominat mill-Gvern bħala l-kandidat ideali.

Il-Partit Nazzjonalista ma ħax sehem f’dan l-iskrutinju. L-Oppożizzjoni qed tisħaq li xejn ma nbidel minkejja li l-Prim Ministru ħabbar proċess ġdid li bih jinħatar il-Kummissarju.

Il-Kumitat Parlamentari jista’, teknikament, iwaqqaf in-nominazzjoni iżda l-Gvern igawdi l-maġġoranza f’dan il-Kumitat. L-iskrutinju se jsir fil-pubbliku.

Il-metodu l-ġdid tħabbar malli sar Prim Ministru Robert Abela. Għal din il-kariga importanti saret sejħa pubblika u applikaw 14-il persuna.

Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku intervistat lill-kandidati kollha u ppreżentat lista ta’ tnejn lill-Kabinett u minnhom Gafà ntagħżel bħala l-favorit.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat fil-bidu ta’ Mejju li Gafà huwa l-favorit għal din il-kariga.

Segwi l-iskrutinju billi tagħfas hawn.

More in Politika