Gafà l-favorit għal Kummissarju tal-Pulizija ... imma Sandro Camilleri qed jikkunsidra l-kariga wkoll

Sorsi mill-Korp tal-Pulizija jisħqu li l-fatt li Gafà diġà għandu idea ċara dwar il-viżjoni li għandu jieħu l-Korp tal-Pulizija fis-snin li ġejjin jista’ jagħmlu l-favorit biex jieħu f’idu t-tmun tal-Korp jekk japplika għall-kariga ta’ Kummissarju

L-ispettur Angelo Gafa'
L-ispettur Angelo Gafa'

Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qalu mal-gazzetta ILLUM li l-aktar isem li qed jissemma fil-kurituri tad-Depot għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija huwa Angelo Gafà li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija, anke jekk meta kkuntattjat mill-gazzetta ILLUM la ċaħad iżda lanqas ma kkonferma li se jkun qed japplika għal din il-kariga.

“Dik hija deċiżjoni tiegħi,” saħaq Gafà meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM.

Fost is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM kien hemm uffiċjali tal-Pulizija, inkluż uffiċjali li kienu interessati li japplikaw għal din il-kariga u li nnutaw il-fatt li fis-sejħa pubblika li saret biex ikun maħtur Kummissarju ġdid, l-applikanti qed jintalbu jissottomettu “pjan ta’ erba’ snin” li fih jippreżentaw “il-viżjoni għall-Korp tal-Pulizija,” rwol li suppost huwa tal-Police Governance Board li twaqqaf bil-liġi fl-2017.

Fost oħrajn, fuq dan l-istess bord, ipoġġu (anke jekk bla vot) kemm il-Kummissarju u anke Angelo Gafàbħala Kap Eżekuttiv. Kien għalhekk li s-sorsi saħqu li jekk hemm persuna li jaf x’inhi l-viżjoni tal-Korp u kif din għandha tkun implimentata, dan huwa Gafà.

Wieħed mill-uffiċjali saħaq li ma jistax jifhem kif il-Kummissarju l-ġdid qed jintalab jidħol fil-kariga b’pjan f’idu għal erba’ snin meta suppost se jkun ippreżentat pjan mill-Police Governance Board.

“Fuq xiex se jkun assessjat il-Kummissarju l-ġdid? Fuq il-pjan li jkun ippreżenta huwa stess jew inkella fuq il-pjan tal-Police Governance Board, jekk jeżisti?”, staqsa wieħed mis-sorsi.

L-istess sors innota li ma jistax jifhem kif is-sejħa hija miftuħa wkoll għal persuni li mhumiex parti mill-Korp u fl-istess waqt qed titlob lill-applikant biex jipprovdi viżjoni.

“Lanqas jiena li naħdem fil-Korp ma nista’ nagħmillek pjan. Ma nafx x’se nsib meta nidħol fil-kariga,” insista. 

Kumpanija privata qed tħejji pjan għall-Korp...

Apparti minn hekk, il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li bħalissa qed isir studju minn kumpanija privata li, fost oħrajn tipprovdi pariri u konsultazzjoni dwar strateġiji, biex jitħejja pjan ta’ riforma għall-Korp tal-Pulizija, liema kumpanija qed taħdem id f’id ma’ Gafà bħala Kap Eżekuttiv.

Mistoqsija dwar dan, il-Korp ikkonferma li wara applikazzjonijiet għal fondi Ewropej sabiex ikun jista’ jfassal strateġija ta’ trasformazzjoni, il-Korp tal-Pulizija rnexxielu jirbaħ dan il-proġett u wara proċess ta’ għażla, il-Kummissjoni Ewropea ingaġġat lill-kumpanija ta’ konsulenza Price Waterhouse Coopers biex tkun hi li tipproponi strateġija.

Il-pjan hu li l-istrateġija ta’ trasformazzjoni hekk kif proposta minn PWC tkun lesta sa Lulju ta’ din is-sena, bil-possibilità ta’ ftit ittardjar minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19.

“Jekk qed ikun imħejji pjan, sinjal li hemm viżjoni. Liema viżjoni hi din?” staqsa wieħed mis-sorsi tal-ILLUM. “Jew hija sejħa diretta għal xi ħadd għax għandu l-aċċess għal din il-viżjoni?” kompla jistaqsi.

‘Mhux jien għamilt is-sejħa ... staqsu l-Ministeru’

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM staqsiet ukoll lil Gafà jekk dan kollu jistax ipoġġi lilu fil-vantaġġ, iżda hu talabna nistaqsu lill-Ministeru, għax fi kliemu: “mhux jiena għamilt is-sejħa.”

L-ILLUM kienet diġà bagħtet lill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, fejn fost oħrajn staqsiet:

  • Għaliex l-applikanti qed jintalbu jippreżentaw viżjoni;
  • jekk dan jistax jitfa’ fi żvantaġġ persuni oħra li mhumiex membri tal-Korp; u
  • mal-liema viżjoni huwa mistenni li jimxi l-Kummissarju, jekk hux ma’ dak li se jippreżenta hu jew dik li suppost jippreżenta l-Police Governance Board?

Il-Ministeru wieġeb biss: “Ninfurmak li hija l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fasslet u ppubblikat is-sejħa għal Kummissarju tal-Pulizija. Jirriżulta li din is-sejħa tirrifletti sejħiet oħra għall-karigi għolja u importanti fis-settur pubbliku.”

Qabel intagħżel bħala Kap Eżekuttiv, Gafà serva fil-Korp tal-Pulizija bħala Spettur u kien ukoll membru tas-Servizzi Sigrieti. Kien ukoll logotenent tal-Forzi Armati ta’ Malta

‘Għadni nikkunsidra ... irridu Kummissarju tal-poplu’

Il-gazzetta ILLUM għamlet ukoll kuntatt mal-Ispettur Sandro Camilleri li ġimgħat ilu, fuq Xarabank kien indika li qed jaħsibha japplikax għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Mistoqsi mill-ILLUM, Camilleri saħaq li qed jirċievi ammont ta’ messaġġi, inkluż minn membri tal-Korp u anke persuni oħra li ma jafhomx, biex iħeġġuh japplika għall-Kummissarju.

“Qed nikkunsidra serjament. Napplika biss jekk il-poplu jridni. Jien irrid inkun Kummissarju tal-poplu. Dak li għandna bżonn,” saħaq Camilleri waqt li insista li jekk ikun Kummissarju, hu se jkun viċin in-nies u jinżel fit-toroq magħhom.

Insista li jekk japplika u jintagħżel, waħda mill-prijoritajet tiegħu hija li l-Korp tal-Pulizija jkun orjentat aktar lejn il-vittmi. “Il-vittma mhuwiex smat,” insista Camilleri.

“Irridu nbiddlu vera l-Korp tal-Pulizija. Mhux biss bidliet kożmetiċi,” temm jisħaq.

Sandro Camilleri huwa l-fundatur tal-Police Officers Union.

X’tgħid is-sejħa għall-Kummissarju?

  1. Min jintagħżel se jidħol fil-kariga għal 48 xahar
  2. Min jintagħżel se jkollu probation għal sena
  3. Irid juru li kapaċi jmexxi trasforazzjoni fil-Korp tal-Pulizija u għandu l-ħiliet li jnaqqas il-kriminalità
  4. L-applikanti jridu jpoġġu għal psychometric test
  5. L-applikanti jridu jippreżentaw dokument ta’ 300 kelma u li fih jispjegaw għalxiex huma kkwalifikati
  6. L-applikanti jridu jippreżentaw pjan ta’ erba’ snin dwar il-viżjoni tagħhom għall-Korp

Kif se jintagħżel il-Kummissarju l-ġdid?

  • L-applikanti jpoġġu għal psychometric test
  • Wara jsiru ‘extended interview’ u interview ieħor individwali mal-kandidati
  • Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tassessja l-kandidati u tagħżel tnejn minnhom
  • Dawn iż-żewġ ismijiet se jmorru quddiem il-Kabinett li jinforma lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija liema jaħseb li huwa l-kandidat ideali
  • Il-Ministru jirreferi lill-kandidat identifikat għal smigħ quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi (PAC)
  • Jekk il-PAC jaqbel li l-kandidat ikun ideali, il-Prim Ministru, wara li jikkonsulta mal-istess Kumitat, jagħżlu bħala Kummissarju.

More in Politika