Filmat | Chris Cardona se jirreżenja minn Deputat Mexxej wara li talbu l-Prim Ministru

Cardona qed jiċħad allegazzjonijiet li hu kellu x'jaqsam fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

 L-eks Ministru Laburista Chris Cardona se jkun qed jirreżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u dan hekk kif qed ikun implikat fil-Qorti fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet li hu ċaħad.

Mistoqsi mill-MaltaToday, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fl-aħħar sigħat tkellem ma' Chris Cardona u fi kliemu, urih ix-xewqa li ma jibqax Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Skont il-Prim Ministru, Cardona se jkun qed jirreżenja fis-sigħat li ġejjin waqt li fakkar li hu qatt ma kien parti mill-kabinett tiegħu u anke rriżenja minn Membru Parlamentari.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif il-Prim Ministru jinsab taħt pressjoni, inkluż minn Ministri u membri tal-kabinett li ma kienu xejn kuntenti b'Cardona anke għax fi kliemhom dan kien se jtappan il-ħidma tal-Gvern ta' Abela fuq il-governanza.

Isem l-eks Ministru deher diversi drabi fil-Qorti waqt ix-xhieda tal-intermedjarju Melvin Theuma waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech u saħanistra reġa' ssemma' minn Johann Cremona, sħab Fenech fin-negozji.

Fil-Qorti qed ikun allegat li Cardona ħallas għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, permezz ta' Anthony Chetcuti, magħruf bħala l-Biglee, deskritt bħala intermedjarju bejn l-eks Ministru u Alfred Degiorgio, il-Fulu.

Isem Cardona kien deher ukoll f'ittra li waslet għand Yorgen Fenech meta dan kien fuq police bail. Din l-ittra, li timplika lil Cardona, allegatament waslet għand Fenech mingħand Keith Schembri, permezz tat-tabib Adrian Vella.

Isem Cardona kien reġa' ssemma mill-intermedjarju Melvin Theuma, meta qal li viċin it-tinda tal-Patata, fejn ġew arrestati t-tliet irġiel akkużati li poġġew u attivaw il-bomba, kien instab mowbajl fil-baħar u fuqu kien hemm biss in-numru ta' Cardona.

Skont Theuma, din l-informazzjoni kien qalilu Yorgen Fenech.

Cardona dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u ddeskrivihom bħala attentat ta' 'frame-up.'

Aqra wkoll:

Lawrence Cutajar jitpoġġa uffiċjalment taħt investigazzjoni

More in Politika