Cardona jisħaq li min hu vera responsabbli mill-qtil ta' Daphne qed jipprova jitfa' l-ħtija fuqu

Melvin Theuma, ilbieraħ qal lill-Qorti li t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia rċevew €350,000 mingħand l-eks Ministru

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona ċaħad dak li ntqal ilbieraħ fil-Qorti u li poġġih fiċ-ċentru tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Cardona ddeskriva d-dikjarazzjonijiet bħala gideb u attentat biex isir frame-up fuqu.

Melvin Theuma, ilbieraħ qal lill-Qorti li t-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia rċevew €350,000 mingħand l-eks Ministru.

Intqal ukoll, kif kien ingħad ġimgħat ilu li viċin it-tinda tal-Patata kien instab mowbajl u fuqu kien hemm biss in-numru ta’ Chris Cardona. Il-mowbajl kien ta’ wieħed mill-aħwa Degiorgio.

Theuma qal li l-flus waslu għand Degiorgio permess ta’ intermedjarju ieħor, li ismu jibda bil-‘B.’

Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja, Theuma qal li apparti l-flus li ħareġ Fenech, Alfred Degiorgio kien irċieva €350,000 mingħand Cardona.

Mistoqsi minn The Times of Malta Cardona saħaq li dan huwa attentat minn min hu vera responsabbli mill-qtil biex jitfgħu l-ħtija fuqu.

Fil-Qorti, Theuma qal li ċertu David Gatt, avukat li jaħdem ma’ Cardona, kien bagħat messaġġ lil Degiorgio jgħidilhom li jekk se jitfgħu l-ħtija fuq Cardona, kien se joqtolhom.

Dwar Cardona, Theuma qal ukoll li Yorgen Fenech kien qallu li tant kemm l-eks Ministru kien inkwetat dwar il-qtil ta’ Daphne li kien bela xi pinnoli u spiċċa b’overdose tant li kellu jiddaħħal l-isptar.

Din ma kinitx l-ewwel darba li isem Cardona ħareġ fil-Qorti. Ittra li kienet waslet għand Yorgen Fenech meta kien arrestat ukoll kienet titfa’ l-ħtija fuq Cardona. Skont Fenech, din l-ittra waslet għandu mingħand l-eks Chief of Staff Keith Schembri, permezz tat-tabib Adrian Vella.

Intant, ilbieraħ, anke l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia insista li qatt ma ltaqa' ma' Fenech wara li sar jaf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

More in Politika