'Jien qatt ma ltqajt ma' Yorgen Fenech wara li ħarġet l-aħbar dwar 17 Black' - Delia

Delia fakkar f'dak li qal sena ilu meta kien insista li qatt ma kellu l-ebda relazzjoni professjonali jew ta' negozju ma' Fenech

"Niddikjara bl-aktar mod assolut u kategoriku illi jiena qatt ma ltqajt ma’ Yorgen Fenech wara li ħarġet l-aħbar illi dan kien involut fil-kumpanija 17 Black."

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista wara li dalgħodu, fil-Qorti l-intermedjarju fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech, l-allegat mandant, ġieli stieden lil Delia għandu għall-ikel.

Immedjatament, dan is-sit bagħat jitlob reazzjoni mingħand il-Kap Nazzjonalista u llejla ħareġ stqarrija li fiha insista li wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, qatt ma ltaqa' ma' Fenech. Ma ċaħadx li għamel dan qabel.

Huwa tenna dak li qal mas-sit LovinMalta f'April tal-2019. Dakinhar Delia kien ċaħad li qatt kellu relazzjoni professjonali jew ta' negozju ma' Fenech jew xi waħda mill-kumpaniji tiegħu.

Mistoqsi meta l-aħħar li ltaqa' ma' Fenech, Delia kien saħaq li "żgur mhux wara li ħarġet l-istorja dwar 17 Black."

Fil-Qorti, Theuma stess qal li kien Fenech li qallu li Delia kien mar jiekol għandu. Iżda, insista, li ma jafx jekk dan hux minnu jew le jew inkella jekk Fenech kienx qallu hekk biex jiftaħar bil-kuntatti tiegħu.

Fl-istess xhieda, Theuma qal li kien ra lill-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta fil-farmhouse li Fenech għandu fir-Rabat.

Valletta kien inkarigat mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Caruana Galizia fl-istadji bikrin tagħha.

Fix-xhur li għaddew irriżulta li Valletta huwa ħabib ta' Yorgen Fenech tant li kien ġie żvelat filmat tiegħu fil-karozza ta' Yorgen Fenech u kien saħanistra siefer miegħu biex jaraq logħba barra minn Malta f'Stamfrod Bridge Stadium, ta' Chelsea FC.

Valletta kien ikkonferma li siefer ma' Fenech meta diġà kien parti minn tim ta' investigaturi fuq il-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galzia.

More in Politika