'Jekk mhux se jinfetaħ l-ajruport se jkun hemm splużjoni fil-qgħad' - Tony Zahra

L-MHRA tisħaq li s-settur tat-turiżmu spiċċa wieqaf għal kollox u issa jinsab “iddisprat” biex jiftaħ u jiffaċċja “normalità ġdida”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, saħaq li jekk mhux se jinfetaħ l-ajruport il-pajjiż se jkun qed jesperjenza splużjoni fil-qgħad, għax fi kliemu ma jagħmilx sens li l-operaturi fis-settur tat-turiżmu jżommu lill-impjegati jekk ma jkunx hemm sajf.

Fi stqarrija, l-MHRA filwaqt li saħqet li s-saħħa u l-protezzjoni tal-ħajja umana jiġu l-ewwel u qabel f’kollox u faħħret il-miżuri li ħa l-Gvern biex jikkontrolla l-pandemija, insistiet li dan kollu kellu “prezz qares ekonomiku” fuq it-trasport, l-ivjaġġar, it-turiżmu, l-ospitalità, l-isports, is-setturi tad-divertiment u dak kollu li għandu x’jaqsam mas-soċjalizzazzjoni.

Tony Zaha insista li s-settur tat-turiżmu spiċċa wieqaf għal kollox u issa jinsab “iddisprat” biex jiftaħ u jiffaċċja “normalità ġdida.”

Fi kliemu, filwaqt li huwa importanti li tibqa’ tkun protetta l-ħajja, fl-istess waqt huwa importanti li kulħadd jaħdem flimkien biex ikun protett l-għajxien ta’ bosta.

“L-awtoritajiet mediċi jridu jibqgħu jsegwu u anke jagħmlu dak kollu possibbli biex jipproteġu s-saħħa iżda fl-istess waqt irridu nerġgħu nagħtu spinta lill-ekonomija. L-ekonomija mhux se tkun kif konnha mdorrija biha fl-aħħar snin - se tkun realtà ġdida għalina wkoll - iżda fl-istess waqt ma nistgħux inkomplu nkaxkru saqajna milli niftħu s-settur tat-turiżmu,” insista Zahra.

“Kull ġurnata li tgħaddi, l-ekonomija qed tegħreq aktar u aktar fil-problemi u kull ġurnata li tgħaddi l-Gvern qed jonfoq madwar €11-il miljun kuljum, jew €330 miljun kull xahar biex iżomm lil kulħadd id-dar, flus li l-Gvern qed jissellef u li jridu jitħallsu lura mit-taxxi ta’ kulħadd fil-futur,” kompla Zahra.

Kien għalhekk li appella għall-ftuħ tal-ajruport.

“L-operaturi fl-industrija tat-turiżmu se jkollhom iwaqqfu lil kulħadd u jerġgħu jimpjegawhom fl-Għid tal-2020,” insista Zahra. “Din mhux theddida.”

L-MHRA temmet tappella lill-Gvern biex jiftaħ mill-ġdid dan is-settur kruċjali filwaqt li jassigura s-sigurtà tal-istaff, l-impjegati u r-residenti.

Fi kliem l-Assoċjazzjoni, din hija realta li rridu naddattaw għaliha u "mhux ninħbew minnha."

Aqra wkoll:

It-tobba mħassba dwar il-kummenti tal-PM u tisħaq li l-Gvern qed iġib l-ekonomija qabel is-saħħa

More in Politika