It-tobba mħassba dwar il-kummenti tal-PM u tisħaq li l-Gvern qed iġib l-ekonomija qabel is-saħħa

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija saħqet li deċiżjonijiet mgħaġġla jistgħu jitfgħu lill-pajjiż xhur b'lura

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), fi stqarrija, uriet “il-preokupazzjoni u t-tħassib serju tagħha” wara l-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ fejn ħabbar il-ftuħ tar-ristoranti u anke l-hairdressers waqt li insista li l-poplu ma jistax jissakkar fid-djar għal tul ta’ żmien.

Fi stqarrija, il-MAM fakkret kif għal erbat ijiem wara xulxin, wara li ġew imnaqqsa l-ewwel restrizzjonijiet, Malta esperjenzat żieda fil-każi ġodda ta’ COVID-19.

“Sfortunatament, dawn il-miżuri taw l-impressjoni li jekk wieħed jilbes il-maskra se jkun protett mill-virus u għalhekk diversi huma dawk li mhux qed isegwu r-regoli dwar id-distanza soċjali u diversi gruppi vulnerabbli, bħall-anzjani, dehru jixtru mill-ħwienet,” saħqet il-MAM.

L-istqarrija tispjega kif fl-iskala globali li qed iżomm rekord tal-coronavirus fil-pajjiżi madwar id-dinja, Malta mxiet fost l-20 nazzjon li fihom qed ifeġġu każi tal-coronavirus. Propju għalhekk li l-MAM qed tisħaq li l-pajjiż tilef tmien ġimgħat ħidma għax in-numri reġgħu bħalma kienu xahrejn ilu u dan meta Malta sa issa għandha l-inqas rata ta’ mwiet b’rabta mal-coronavirus.

Fakkret ukoll kif pazjent wieħed infettat f’sala waħda, wassal biex ġew infettati 10 persuni, fosthom ħaddiema tas-saħħa. Minħabba f’hekk, tliet swali kellhom jingħalqu temporanjament biex isir l-iddiżinfettar u diversi ħaddiema tas-saħħa jispiċċaw fi kwarantina.

Filwaqt li faħħret l-għadd ta’ testijiet li qed isiru kuljum, il-MAM insistiet kif madwar 100 persuna kuljum li qed ikunu riferuti mit-tobba mhux qed imorru għat-testijiet u dawn qed ipoġġu f’riskju lill-komunità.

Kien hawn li l-MAM saħqet li ż-żieda fil-każi kellha tiftaħ għajnejn l-awtoritajiet u mhux twassal għad-deċiżjoni biex jinfetħu r-ristoranti u l-barijiet, deċiżjoni li waslet għall-problemi fil-Ġappun, Singapore u l-Korea ta’ Isfel.

“Filwaqt li wieħed jissimpatizza mal-ħaddiema fis-setturi tat-turiżmi u d-divertiment, rilaxx kmieni tal-miżuri jista’ jwassal biex Malta tispiċċa fost l-aktar għaxar pajjiżi b’każi ġodda kuljum ta’ COVID-10,” saħqet il-MAM waqt li insistiet li dan jagħmel aktar ħsara milli ġid u jġib fix-xejn kwalunkwe possibbilità ta’ “kurituri siguri.”

Temmet tgħid li tinsab iddiżappuntata li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi ekonomiċi qabel is-saħħa u appellat lill-pubbliku Malti beix jibqa’ kawt kemm jista’ jkun u jżomm mar-regoli tas-social distancing.

Għall-kuntrajru ta’ dak li qal il-Prim Ministru lbieraħ, il-MAM saħqet li l-aktar għażla sigura tibqa’ li wieħed jibqa’ d-dar.

More in Politika