'Insensittiva' - Il-Ministeru tal-Ġustizzja dwar il-pass ta' avukat minn mal-AĠ għad-difiża ta' Yorgen Fenech

Il-Ministeru tal-Ġustizzja jgħid illi kien pass insensittiv dak tal-avukat Charles Mercieca li jimxi mill-Uffiċċju tal-AĠ għad-difiża ta' Yorgen Fenech

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza qal fi stqarija illi d-deċiżjoni tal-Avukat Charles Mercieca li jissieħeb fid-difiża ta' Yorgen Fenech - akkużat bil-qtil ta' Daphne Carunan Galizia - ftit wara li ħalla l-impjieg minn mal-Avukat Ġenerali "hija insensittiva". 

"Il-Ministeru, filwaqt li jesprimi d-diżappunt tiegħu, itenni li kien jistenna prudenza u kawtela akbar kemm mill-avukat u mid-ditta legali li hu mar jaħdem magħha."

L-istqarrija tal-Gvern ttemm tgħid li l-Gvern huwa determinat li jibqa’ għaddej b’riformi istituzzjonali li jsaħħu l-istituzzjonijiet u li jassigura li ssir ġustizzja xierqa ma’ kulħadd.

Kien ilbieraħ filgħaxija illi ħarġet l-aħbar li l-avukat Mercieca mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħalla l-impjieg tiegħu u mar jaħdem fit-tim ta' difiża ta' Fenech.  Kien iċċarat minnu stess fil-fatt illi meta kien fl-Ufiċċju tal-AĠ qatt ma ħadem fuq il-każ ta' Fenech jew każi relatati.

Il-PN talab kjarifiki mingħand il-Ministeru u sostna li "il-Ministru għall-Ġustizzja għandu responsabbilità jiddikjara x’miżuri ħa sabiex l-aċċess li dan l-avukat seta’ kellu għall-inkartament, provi, dokumenti u xhieda kunfidenzjali fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li jinsabu fl-Uffiċċju tal-Avukat Generali ma jissarfux f’dannu irreparabbli għall-proċess tal-ġustizzja f’dan il-każ."

More in Politika