L-Avukat Charles Mercieca telaq mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ssieħeb fid-Difiża ta' Yorgen Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Ikkuntattjat mis-sit timesofmalta Mercieca qal illi kemm dam fl-Uffiċċju tal-AĠ qatt ma ħadem fuq il-każ ta' Fenech jew kwalunkwe każ li għandu x'jaqsam mal-assasinju tal-2017.
Intant f'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru għall-Ġustizzja għandu "dmir u obbligu morali u legali" li jagħti spjegazzjoni immedjata.
Il-PN irrimarka kif f’inqas minn 19-il siegħa avukat fl-Ufficċju tal-Avukat Generali rriżenja, ħallas in-notice period u beda jidher għal persuna li tinsab akkużata bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
"Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu responsabbilità jiddikjara x’miżuri ħa sabiex l-aċċess li dan l-avukat seta’ kellu għall-inkartament, provi, dokumenti u xhieda kunfidenzjali fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li jinsabu fl-Uffiċċju tal-Avukat Generali ma jissarfux f’dannu irreparabbli għall-proċess tal-ġustizzja f’dan il-każ," temmet tgħid l-istqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja Jason Azzopardi.