Aġġornata | Fenech se jinżamm arrestat; Jingħata r-recordings biex joqgħod jismagħhom fil-ħabs

Il-Maġistrat saħqet li fadal minn jixhed u l-Qorti tibża' li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, dan jista' jwassal għal 'diżordni pubblika'

Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat, bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet it-talba li jingħata r-recordings ta' Melvin Theuma biex joqgħod jismagħhom waqt li jkun il-ħabs.

Fl-argumenti tagħha, għall-ħelsien mill-arrest, id-Difiża insistiet li Yorgen Fenech kellu kondotta nadifa. 

L-Avukati saħqu li kull meta ngħata l-police bail, Fenech dejjem obda l-kundizzjonijiet.

“L-evidenza sa issa jidher li hija bbażata fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma. L-evidenza turi li qed jigdeb,” saħaq l-Avukat Caruana Curran.

L-Avukat insista li ma hemm l-ebda prova li Fenech ipprova jaħrab.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali saħaq li Malta tiffaċċja problemi severi jekk Fenech jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Caruana Curran reġa’ wieġeb u saħaq: “Pajjiżna qatt ma affaċċja sitwazzjoni gravi bħal din. Il-Prim Ministru kellu jirriżenja minħabba dan il-każ. Sadanittant, il-klijent tiegħi, jinżamm il-ħabs.”

Min-naħa tagħha, l-Avukat Marion Camilleri, li wkoll qed tidher għall-akkużat, insistiet li kull akkużat jibqa’ meqjus innoċenti sakemm ma jinstabx ħati u dan il-każ ma għandu jkunx differenti.

Fi kliemha, ma hemm l-ebda biża’ li Fenech se jbagħbas l-evidenza. Fakkret li ngħata l-police bail erba’ darbiet. “Ma kienx hemm biża’ dak iż-żmien,” saħqet. “L-Avukat Ġenerali għandu jagħtina r-raġunijiet u mhux suppożizzjonijiet. 

Min-naħa tagħha, fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat saħqet li xejn ma nbidel minn meta rrifjutat din it-talba l-ewwel darba. Fi kliemha, il-biża' li dan ibagħbas l-evidenza għadha tapplika.

Fakkret li fadal minn jitla' jixhed u li l-ħelsien mill-arrest, f'dan l-istadju, jista' jwassal għal 'diżordni pubblika.'

Kien għalhekk li ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, b'Yorgen Fenech jerġa' jkun eskortat lejn Kordin.

Fenech jingħata r-recordings biex joqgħod jismagħhom fil-kwiet

Intant, waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-Avukat tad-Difiża, Gianluca Caruana Curran, talab li l-akkużat jingħata kopji tar-recordings li ħa Melvin Theuma, l-intermedjarju u li bħalissa qed jinstemgħu fil-Qorti.

Caruana Curran saħaq li dan jagħti ċans lil Fenech biex jisma' dawn ir-recordings "fil-kwiet." Insista li din it-talba qed issir skont id-direttivi tal-ħabs.

L-awtoritajiet tal-Qorti awtorizzaw lill-avukati biex jgħaddu lil Fenech id-DVDs li fihom l-informazzjoni diġitali, fosthom ir-recordings.

Theuma għaliex kien qed jirrekordja l-konverżazzjonijiet?

Melvin Theuma kien beda jirrekordja t-telefonati fil-bidu tal-2018, jiġifieri fi żmien meta Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien beda jikxef xi informazzjoni, bil-għan li jingħata l-Maħfra Presidenzjali.

Ta’ min ifakkar li bħala l-intermedjarju, meta organizza l-qtil, qatt ma semma isem Yorgen Fenech.

Għalhekk, ħadd mit-tliet irġiel akkużati li poġġew il-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia ma kienu jafu lil Fenech. Kienu jafu biss lil Melvin Theuma u dejjem miegħu nnegozzjaw għall-ħlas.

Kien dan li wassal lil Theuma biex jibda jibża’ li l-ħtija se tintefa’ kollha kemm hi fuqu. Hu stess kemm-il darba qal li kien qed jibża’ li Yorgen Fenech u Keith Schembri jeħilsu minnu jew jitfgħuh il-ħabs.

Għalhekk kien beda jirrekordja u żamm kollox ġo kaxxa, inkluż ir-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri.

Is-suspett ta’ Theuma żdied meta darba ltaqa’ ma’ Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru Joseph Muscat u dan kellu f’idejh karta bi tliet numri tal-mowbajl u qallu: “Inti l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

Aqra wkoll

More in Politika