'Rinunzja mhix biżżejjed ... irrevokawlu l-permess' - Sindku tal-Qala

... Is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg jgħid li dik tal-bieraħ kienet 'stunt' biex tikkalma r-rabja tan-nies u wiegħed li l-Kunsill se jmexxi bl-appell

Paul Buttigieg, Sindku tal-Qala
Paul Buttigieg, Sindku tal-Qala

Ilbieraħ, il-kuntrattur Joseph Portelli, li spiċċa f'nofs kontroversja dwar permess mogħti fil-Qala biex kamra żgħira u abandunata f'ODZ issir villa,  irrinunzja l-istess permess. Dan ifisser allura, illi għalissa abbanduna u mhux se jsegwi l-iżvilupp li qajjem kontroversja u rabja kbira fl-aħħar jiem.

Minkejja dan, għadu mhux ċar xi tfisser eżatt din ir-rinunzja u għadu mhux ċar x’se jagħmel l-iżviluppatur bil-permess li għadu attiv u li se jibqa’ attiv żgur għal sitt xhur oħra. Ir-rinunzja hija xi ħaġa li l-iżviluppatur qed jagħmel minn jeddu u ma jidhirx illi dan b’xi mod se jaffettwa l-għoti tal-permess għalissa.

Dan ifisser illi jekk il-kuntrattur jaqdi d-dmirijiet u l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ dan il-permess hu jkun xorta jista’ jwettaq il-proġett jew ibigħ l-art inkwistjoni, meta u kif irid fit-termini tal-liġi.  

Minkejja r-rinunzja, il-Kunsill Lokali tal-Qala mhuwiex se jieqaf hawn u f’kummenti ma’ din il-gazzetta, is-Sindku Laburista Paul Buttigieg għamilha ċara illi l-Kunsill se jkun qiegħed jappella mid-deċiżjoni xorta u se jitlob li l-permess ikun revokat.

“Il-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjoni dak li ġara imma xorta se jibqa’ għaddej bl-appell għax dak li ġara ma jfissirx illi l-kuntrattur ma jistax jibni. Irridu li l-permess ikun revokat,” sostna Buttigieg.

Iktar minn hekk iżda, is-Sindku sostna ma’ din il-gazzetta li dik tal-bieraħ ma kienet xejn għajr “stunt politika minħabba r-rabja tan-nies.”

Ta’ min jinnota illi skont il-proċedura tal-Awtorità tal-Ippjanar, biex il-permess li ngħata jkun formalizzat u joħroġ, il-kuntrattur għandu sitt xhur ċans biex jikkonkludi proċeduri u kundizzjonijiet marbutin mal-permess.

Jekk sa April, u allura sitt xhur mil-lum, Portelli ma jkunx wettaq dawn l-obbligi, il-permess jaqa’.

Dan il-permess qajjem għagħa kbir, b'diversi persuni inkluż l-eks Segretarju Ġenerali Laburista Jason Micallef u l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, jikkritikaw il-mod kif kien mogħti dan il-permess lil Portelli, li qed jiżviluppa wkoll Mercury House f'Paceville.

Ara aktar dwar x'ġara eżatt lbieraħ hawnhekk u l-ewwel għajtiet għar-riżenji hawnhekk. Ara wkoll l-ewwel reazzjoni tad-Deputat u membru tal-Bord tal-PA Clayton Bartolo

More in Politika