Puli jgħid li se jerġa' jikkontesta għal Segretarju Ġenerali anke jekk jitfa' ismu xi ħadd ieħor

Illum il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif l-eks Ministru u Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qed jikkunsidra b'serjetà li joħroġ għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Clyde Puli
Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli kkonferma li se jkun qed jikkontesta mill-ġdid għall-kariga ta' Segretarju Ġenerali.

Mistoqsi mill-gazzetta 'The Times of Malta', Puli qal li anke jekk il-kariga tkun ikkontestata huwa xorta waħda se jitfa' ismu sabiex jerġa' jkun is-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Illum il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif l-eks Ministru u Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qed jikkunsidra b'serjetà li joħroġ għal Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday jikkonfermaw li Zammit Dimech qed ikun imbuttat biex jieħu post Clyde Puli, li diversi huma dawk, inkluż fil-Grupp Parlamentari, li mhux kuntenti bih.

F’Mejju li għadda, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif Clyde Puli jinsab fiċ-ċentru ta’ manuvri biex jitneħħa mill-kariga, anke jekk, kif qal mal-istess gazzetta, ħadd ma avviċinah biex iwarrab.

F’Lulju li għadda, l-ILLUM kienet reġgħet staqsiet lil Puli wara li rapport fuq The Times of Malta kien jgħid li hu mhux se jerġa’ jikkontesta. 

Min-naħa tiegħu, Puli kien insista ma’ dan is-sit li mhux se jabbanduna lill-PN u ddeskriva r-rapport fuq it-Times bħala “gidba.”

 

More in Politika