'Irridu lil Clyde Puli jwarrab' ... imma hu jgħid li dan 'kollu gideb'

Persuni differenti qed jimmanuvraw biex Clyde Puli jitneħħa, imma hu jgħid li l-kritika kontrih u l-mod kif jopera huwa 'kollu gideb'

Skont informazzjoni li għandu s-sit illum.com.mt, id-Deputat Nazzjonalista u s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli jinsab fiċ-ċentru ta’ manuvri sabiex jitneħħa mill-kariga tiegħu. Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ din il-gazzetta kkonfermaw dawn il-pjanijiet sabiex Puli jitneħħa.

Minkejja dan, l-istess sorsi spjegaw li se tkun diffiċli biex iġiegħlu lil Puli jwarrab hekk kif l-irwol tiegħu bħala Segretarju Ġenerali huwa fuq bażi kuntrattwali u biex jinħatar xi ħadd ieħor minfloku bilfors irrid jirreżenja minn jeddu.

Intant f'kummentili ta lill-dan is-sit fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti Puli saħaq li huwa għadu ma kienx avviċinat biex iwarrab. "Ħadd ma qalli biex inwarrab, mhux veru." 

Mistoqsi jekk il-kritika li qed issir fil-konfront tiegħu minn esponenti u saħanistra Deputati Nazzjonalisti għall-mod kif huwa interpreta r-riżultat tal-Ħadd illi għadda hix raġuni valida biex iwarrab, Puli qal li "l-ispjegazzjoni li għamilt jiena għar-riżultat qiegħda tiġi interpretata b'dak il-mod, għaliex trid tiġi interpretata b'dak il-mod."

Ovvjament dawn il-manuvri huma mqanqlin mid-disfatta tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħadd illi għadda u l-avvenimenti li segwew fosthom, id-difiża ta' Puli għar-riżultat diżastruż tal-PN fuq l-istazzjon tagħhom. Iżda mhux hekk biss, hekk kif propju ġimgħa qabel l-elezzjoni, diversi deputati tal-PN kieku ilmentaw ma' din il-gazzetta li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kien ilu ma' jiltaqa xahrejn u kif fil-biċċa kbira tiegħu dan kien tort tal-istess Puli.

Dakinhar huma kienu qalu li, "l-problema mhux Delia, il-problema huma n-nies ta' madwaru speċjalment Clyde Puli,'' kien saħaq Deputat Nazzjonalista mal-ILLUM. Filwaqt li kollega ieħor tiegħu kien saħaq li "meta ma jlaqqax il-Grupp Parlamentari qed jitfa’ l-ħatab fuq in-nar biex ikollhom aktar xi jgħidu. Clyde Puli huwa kollox,” jerġa’ jgħid dan id-Deputat f’eku għal dak li qal deputat  qablu lill-ILLUM. “Ma tantx iħobb jiddelega d-deċiżjonijiet. L-aħħar kelma hija tiegħu. Kważi, kważi ngħidlek li hu jmexxih il-Partit, l-aħħar kelma dejjem tiegħu u Delia joqgħod ħafna fuq il-kelma tiegħu,” sostna s-sors.

Intant mistoqsi fuq din il-kritika li qed issir minn Deputati Nazzjonalisti fil-konfront tiegħu Puli saħaq mal-ILLUM li dan huwa kollu gideb.

F’Novembru tal-2017, Clyde Puli kien tefa’ n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-partit u b’hekk spiċċa maħtur bħala s-suċċessur ta’ Rosette Thake.

More in Politika