Viżjoni Għawdex

Stħarriġ ippublikat fuq il-MaltaToday juri kemm hi fraġli u inaċċettabbli l-kultura politika f’pajjiżna u speċjalment, f’Għawdex.

Skont stħarriġ tal-opinjoni ppublikat fuq il-gazzetta Malta Today li sar fost 600 Għawdxi fil-bidu ta’ Jannar, 52% tal-Għawdxin jemmnu li huwa aktar probabbli li kuntratti, permessi u mpjiegi mal-Gvern f’Għawdex jingħataw minħabba affiljazzjoni politika milli abbażi ta’ mertu.  20% tal-poplu Għawdxi biss jemmen li kuntratti, permessi u mpjiegi jingħataw abbażi ta’ mertu mentri 51% jemmen li l-għajnuna tal-politiċi hija ‘importanti ħafna’ jew ‘importanti’ biex wieħed isib impjieg. 

Hu pjuttost sorprendenti li din it-tendenza hija aktar f’saħħitha fost iż-żgħażagħ fil-faxxa ta’ bejn 18 u 34 sena. 64% fost iż-żgħażagħ jemmnu li l-qagħda hi hekk. Ħaġa li ssorprendietni wkoll hi d-differenza ta’ kif jaħsbu l-Laburisti u n-Nazzjonalisti: mentri 67% tan-Nazzjonalisti jemmnu li jeżisti l-favoritiżmu politiku, huma biss 34% tal-Laburisti li jemmnu li dan hu l-każ, mentri l-81% tal-iswitchers jemmnu wkoll li jeżisti tali favoritiżmu. Jekk dawn il-figuri jirriflettu r-realtà, diffiċli tifhem għala teżisti varjazzjoni daqshekk wiesgħa bejn min jappoġja partit u ieħor. Jista’ jkun li min hu fl-oppożizzjoni aktar iħoss l-effett tal-favoritiżmu politiku milli min hu fil-gvern. Imma niddubita kemm dik hi spjegazzjoni kompleta. 

Mill-banda l-oħra, huma biss 13% tan-Nazzjonalisti u 38% tal-Laburisti jemmnu li l-gvern qed jippratika l-mertitokrazija. Hu x’inhu l-każ, dawn huma figuri baxxi ħafna li ma jpoġġux il-klassi politika f’dawl sabiħ. Sfortunatament, juru wkoll li għall-maġġorparti tal-Għawdxin, mingħajr qaddis, wieħed qajla jista’ jimxi ’l quddiem. Juru wkoll li minkejja l-wegħdiet solenni ta’ qabel l-elezzjoni, dan il-gvern ma’ jidhirx li qed jippratika l-meritokrazija għax bil-kemm kemm terz mis-sostenituri tiegħu jemmnu li qed jagħmel hekk. Minflok, jidher sfortunatament li l-gvern attwali reġa’ ħaddan bi sħiħ il-politika ta’ klijenteliżmu politika bla rażan. 

Wieħed irid jgħid sabiex ikun ġust, li dan ma jfissirx li l-Gvern Laburista tal-lum ivvinta l-klijenteliżmu. Sfortunatament, il-klijenteliżmu ilu magħna u ma bediex ilbieraħ. Kull partit fil-gvern jispiċċa kkritikat mis-segwaċi tiegħu li ma jieħux ħsieb lil min hu l-aktar leali. Ġara hekk taħt il-gvern Nazzjonalista u ġara hekk taħt il-gvern ta’ Alfred Sant u mhux dejjem wieħed irreżista għal tali pressjonijiet. Qed jiġri hekk illum minkejja li l-gvern attwali ddedika bil-wisq ħafna mill-enerġiji tiegħu sabiex iżomm is-sostenituri tiegħu kuntenti u vvinta kemm-il skema sabiex jagħti xogħol b’salarju baxx u bi prospettivi ferm anqas lil dawk fost is-sostenituri tiegħu li donnhom ma jissaportux li jaħdmu fis-settur privat.

Minkejja l-wegħdiet solenni ta’ qabel l-elezzjoni, dan il-gvern ma’ jidhirx li qed jippratika l-meritokrazija għax bil-kemm kemm terz mis-sostenituri tiegħu jemmnu li qed jagħmel hekk

Għaliex jekk xi ħadd jgħid li hawn nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u hawn ħtieġa ta’ dawn l-iskemi tal-impjieg, ma naħsibx li jkun qiegħed jgħid il-verità. Il-fatt hu li sfortunatament għadha teżisti t-tendenza fost diversi persuni li jippreferu impjieg mal-gvern, anke jekk b’paga aktar baxxa, milli impjieg fis-settur privat li għalkemm iħallas aktar, mhux neċessarjament jagħti l-istabbiltà li jagħti impjieg mal-gvern.  

Hija sfortuna kbira li l-gvern preżenti mhux talli ma rreżistiex din it-tentazzjoni kif għamlu l-gvernijiet nazzjonalisti u anke l-gvern ta’ Alfred Sant ta’ qablu, imma ċeda kompletament quddiemha. Il-figuri jitkellmu waħedhom: qallibt ftit il-Labour Force Surveys ta’ dawn l-aħħar snin u wieħed jara li s-settur pubbliku żdied minn 46,750 fl-ewwel tliet xhur tal-2013 għal 52,454 bejn Lulju u Settembru 2016, l-aħħar figuri li għandna f’idejna. Huwa minnu li l-ħaddiema fis-settur pubbliku bħala perċentwal tat-total tal-ħaddiema kollha baqgħet l-istess, jiġifieri 27.1%. Imma wieħed irid isaqsi kemm kienet ġustifikata din iż-żieda ta’ 5,700 ruħ  jew 12.2% fis-settur pubbliku.  Dan ifisser li għal kull tmien impjegati fis-servizz pubbliku fil-bidu ta’ din il-leġislatura, żdied impjegat ieħor. Skont l-aħħar Labour Force Survey, il-paga medja tal-impjegati pubbliċi hija €18,355 u għalhekk, din iż-żieda fl-impjiegi tfisser żieda fin-nefqa pubblika ta’ €105m fis-sena. Ċifra li ċertament mhix inkonsiderevoli.

Din iż-żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku toħloq diversi problemi. Fl-ewwel lok, hemm dik finanzjarja. Mitt miljun fis-sena jistgħu jintefqu aħjar fi proġetti kapitali li jassiguraw il-prosperità futura tagħna milli fuq impjiegi li mhumiex strettament meħtieġa. Imbagħad oħroġ il-għaġeb li minkejja din iż-żieda straordinarja fin-numru ta’ impjegati, hemm diversi setturi fis-settur pubbliku li għandhom nuqqas akut ta’ ħaddiema. Huwa ferm evidenti li hemm problemi kbar fit-tmexxija tas-settur pubbliku li l-gvern mhux qed jindirizza adekwatament. Barra minn hekk, din iż-żieda kbira fin-numru ta’ impjegati pubbliċi qiegħda taffetwa s-settur privat li dejjem qiegħed isibha aktar diffiċli li jsib il-ħaddiema meħtieġa sabiex jopera. Ilbieraħ stess waqt li kont qed indur f’attività politika, imprenditur Għawdxi li minkejja li diġà mexa ħafna ’l quddiem u għandu prodott biex jiftaħar bih, għandu ambizzjonijiet ferm kbar li għandhom jiġu sostnuti minn kulħadd, gerger bil-qatigħ dwar il-problemi li jiffaċja sabiex isib ħaddiema. Jagħmel sens li l-attività ekonomika li qiegħda titkattar fil-pajjiż tiddependi dejjem aktar u aktar fuq l-impjegati li jiġu minn barra minn Malta għax il-ħaddiema Maltin illum m’għadhomx interessati ħlief f’impjieg mal-Gvern?

Jekk nerġgħu niġu lura għas-sitwazzjoni f’Għawdex, mhux talli dawn it-tendenzi negattivi huma aċċentwati għax is-settur pubbliku jimpjega 42% tal-ħaddiema kontra s-27.1% li jimpjega fuq bażi nazzjonali, talli wieħed minn kull ħames ħaddiema Għawdxin jaħdem f’Malta u mhux f’Għawdex. Fil-fatt, minkejja l-wegħdiet kollha li saru qabel l-elezzjoni, in-numru ta’ dawn il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta żdied minn 2,250 fl-2013 għal 2,768 fl-2015, żieda ta’ 23% fi tliet snin! Minn dawn, 58.4% jaħdmu fis-settur pubbliku. Mhux ta’ b’xejn li ż-żgħażagħ Għawdxin iħossu li huwa importanti l-interċessjoni tal-politiku sabiex wieħed isib impjieg għaliex mhux biss jiddependu b’mod sproporzjonat fuq is-settur pubbliku sabiex isibu impjieg imma mbagħad għandhom il-handicap addizjonali li spiss ikollhom bżonn l-intervent ta’ xi qaddis ħalli jispiċċaw jaħdmu ħdejn darhom. 

L-isfida ta’ kwalunkwe gvern hi li jipprovdi impjiegi produttivi u sostenibbli: fil-każ ta’ Għawdex, din hija sfida aktar akuta. Is-sitwazzjoni f’Għawdex hija paradossali għall-aħħar: ħafna miż-żgħażagħ qed jirċievu edukazzjoni għolja bir-riżultat li ma jsibux opportunitajiet ta’ xogħol fi ġżirithom u jkollhom iħufu lejn Malta jew anke lil hinn minn xtutna sabiex jaħdmu. Mill-banda l-oħra, l-imprendituri Għawdxin, il-vera eroj tal-ekonomija Għawdxija, li minkejja l-iżvantaġġi kollha li jaffaċjaw biex joperaw minn Għawdex, jistinkaw sabiex jimbuttaw l-impriża tagħhom ’il quddiem, mhumiex isibu l-ħaddiema meħtieġa sabiex joperaw għax il-gvern qed jixxotta l-manodopera disponibbli bl-iskemi fażulli tiegħu.

Il-qagħda ċertament mhix sostenibbli u għalhekk, qed nistenna li l-Konvenzjoni li qed iniedi l-Partit Nazzjonalista f’Għawdex illum bit-tema Idea Għawdex toħroġ b’ideat konkreti kif inwaqqfu d-deklin ekonomiku u demografiku f’Għawdex. Dan jista’ jsir biss bil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u li jħallsu sew f’Għawdex. Irridu naħdmu sabiex mhux biss inżommu t-talent f’din il-gżira, imma nattirawh lejn xtutna. B’hekk, nittrasformaw lil Għawdex f’ċentru ta’ ħidma kreattiva li jattira nies minn kull riħ sabiex jgħixu, jaħdmu u jgawdu fl-ambjent uniku u stupend t’Għawdex. Jekk jirnexxielna inwaqqfu d-deklin ta’ din il-gżira, inwittu t-triq għal era ġdida u prospera għal Għawdex li żgur iħalli effett pożittiv fuq Malta kollha.

More in Politika