Inawgurat proġett ta’ Geriatric Dental Teaching Unit f’San Vinċenz de Paul

Proġett konġunt bejn San Vinċenz de Paul u l-Università ta’ Malta

Proġett konġunt bejn San Vinċenz de Paul u l-Università ta’ Malta
Proġett konġunt bejn San Vinċenz de Paul u l-Università ta’ Malta

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana flimkien mar-rettur tal-Università ta’ Malta Juanito Camilleri, inawguraw proġett ta’ Geriatric Dental Teaching Unit f’San Vinċenz de Paul, proġett konġunt bejn il-Fakultà tal-Kirurġija Dentali tal-Università ta’ Malta u San Vinċenz de Paul.

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana qalet li dan il-proġett se jservi ta’ benefiċċju kbir għall-anzjani residenti u għal dawk li jgħixu fil-komunità filwaqt li joffri post għal taħriġ speċjalizzat fil-qasam tad-dentistrija ġerjatrika lill-istudenti tal-Università. Hija qalet li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jittrasforma San Vinċenz de Paul f’ċentru ta’ eċċellenza fit-taħriġ tal-kura ġerjatrika, u għalhekk il-proġett tal-lum huwa pass ‘il quddiem lejn din id-direzzjoni.

Spjegat li din il-klinika se tkun mgħammra b’kollox, b’apparat aċċessibbli għall-pazjenti anzjani inklużi wheelchair users. Fil-klinika ser jiġu offruti servizzi ta’ dentistrija fosthom dentistrija preventiva, operattiva, endodontics, prostetika dentali li tinqala’ jew fissa, paradontoloġija, servizzi ta’ radjoloġija u kirurġija orali minuri, u mediċina orali. Tkellmet dwar l-importanza ta’ din il-klinika meta wieħed jikkunsidra l-fatt li 41% tar-residenti fid-djar tal-anzjani għandhom problema relatata ma’ snienhom.

Justyne Caruana fakkret li f’San Vinċenz għaddej xogħol kbir ta’ rinovar, fil-fatt diġà tlesta rinovar estensiv f’2 swali u għaddej ix-xogħol fuq żewġ swali oħra tan-nisa. Semmiet ukoll proġett ta’ rinovar tal-kumpless ta’ Rużar Briffa li permezz tiegħu ser jiżdiedu 125 sodda. Qalet li bħalissa għaddej ukoll xogħol fid-djar kollha tal-anzjani tal-Gvern biex tiġi assigurata kura ta’ kwalità lill-anzjani tagħna.

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Juanito Camilleri, qal li dan il-proġett ikun jista’ joffri appoġġ fl-edukazzjoni u t-taħriġ lill-istudenti kollha tad-dentistrija, li qegħdin jistudjaw id-dixxiplini varji f’dan il-qasam. Dan jipprovdi ambjent għal taħriġ speċjalizzat fil-kura dentali ġerjatrika li jista’ possibilment iwassal għal kwalifiki post-graduate.

 

More in Politika