Mhux aċċettabbli li tfal jispiċċaw fl-istess swali mal-adulti – Chris Fearne

Binja għal mard mentali fost it-tfal u żgħażagħ . . . 

Il-binja li fiha se jkun hemm il-Youth Residence
Il-binja li fiha se jkun hemm il-Youth Residence

Matul l-aħħar jiem smajna bil-proġetti ta’ investiment li qed jaħdem fuqhom il-Gvern fil-qasam tas-saħħa. Qasam li kif spjega l-Prim Ministru Joseph Muscat, mistenni jinbidel minn wieħed ta’ sfidi għal wieħed t’opportunitajiet hekk kif sptarijiet privati u anke skola medika privata mistennija jiftħu u jibdew joperaw f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.

Intant din il-gazzetta tkellmet mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-qasam tas-saħħa mentali, partikolarment fejn għandhom x’jaqsmu tfal u adoloxxenti. Preżentement persuni żgħar fl-età li jkollhom bżonn ikunu rikoverati fl-isptar Monte Carmeli minħabba problemi mentali akuti, dawn jispiċċaw jiddaħħlu fis-swali f’dan l-isptar flimkien mal-adulti. 

Chris Fearne qal li dan il-gvern ħass li din mhix sitwazzjoni aċċettabbli fejn tfal jispiċċaw fl-istess swali mal-adulti. Qal li kien għalhekk li bdiet il-ħidma immedjata biex tiġi identifikata binja li se sservi  bħala Youth Residence għal dawn iż-żgħażagħ. “Nemmnu li kull individwu għandu d-dritt għall-kura li għandu bżonn  u nemmnu li dan għandu jsir fl-aħjar ambjent possibbli”.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-viżjoni tal-Gvern għal pazjenti li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali hija li jingħataw l-aqwa kura possibbli. “Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa sabiex tfal u adoloxxenti li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali jibbenefikaw minn post xieraq li jakkomoda l-każijiet kollha li jkollhom bżonn jirċievu.”

Fearne spjega li l-Youth Residence (jew kif kienet magħrufa qabel il-Young People’s Unit) hija faċilità għaż-żgħażagħ bi problemi ta’ saħħa mentali akuti. “Il-binja li fiha se jkun hemm il-YR ġiet iddiżinjata mill-ġdid u addattata biex tlaħħaq mal-bżonnijiet taż-żgħażagħ tal-lum bi problemi mentali. Id-diżinn tal-binja jagħti lok għal kura aktar individwalista u jimxi ‘l hinn minn dak ta’ istituzzjoni medika. Id-diżinn huwa wieħed ibbażat fuq ambjent terapewtiku ta’ dar.”

Mitlub jispjega x’se jkun hemm aktar minn sala ta’ sptar, is-segretarju parlamentari qal li fost affarijiet oħra li r-residenza se tkun mgħammra bihom se jkun hemm games room, kamra għat-televiżjoni, faċilitajiet sportivi, kmamar għat-terapija u klassi għal laqgħat jew taħriġ fi gruppi. 

“Fid-diżinn tal-binja ngħatat attenzjoni partikolari għas-sigurezza tal-post, fosthom se jkun hemm ukoll one-way mirror. Ingħatat ukoll attenzjoni partikolari għall-privatezza tal-individwu . In-numru ta’ sodod f’kull kamra tniżżlu minn kmamar ta’ erba’ għall-kmamar individwali jew fejn żewġ persuni jaqsmu kamra bejnithom.”

Chris Fearne temm jgħid li x-xogħol fuq il-binja wasal fil-fażi finali tiegħu u se jkun lest fi żmien qasir. “F’qasir żmien mhux se jibqa jkollna pazjenti żgħar flimkien ma’ dawk adulti. L-ambjent li se jkun qed jilqagħhom f’din il-binja huwa wkoll differenti minn dak ta’ Monte Carmeli. Il-binja tinsab fil-bidu tat-triq li tagħti lejn dan l-isptar u għalhekk hija mifruda mill- isptar innifsu - b’hekk qed nimxu lejn mudell aktar ta’ dar u ferm inqas ta’ istituzzjoni.” 

More in Politika