L-allegat każ ta’ ksur ta’ kuntratt pubbliku bejn il-Gvern u l-GWU

L-Oppożizzjoni titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi jinvestiga

L-Oppożizzjoni titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi jinvestiga
L-Oppożizzjoni titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi jinvestiga

L-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister tad-Drittijiet taċ-Ċittadini, l-Ġustizzja u d-Demokrazija Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Ambjent, l-Artijiet, il-MEPA u l-Infrastruttura Ryan Callus, bagħtet ittra lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, biex dan il-Kumitat tal-Parlament jinvestiga allegat każ ta’ ksur ta’ kuntratt pubbliku bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union.

F’konferenza tal-aħbarijiet, kemm Jason Azzopardi kif ukoll Ryan Callus taw dettalji ta’ kif il-kirja tal-binja tal-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta lill-kumpanija Arms hija tinten ħafna, u kollox jindika li qed jinkiser ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-GWU fl-1997.

Jason Azzopardi rrefera għall-kuntratt pubbliku li ġie ffirmat fit-12 ta’ Diċembru tal-1997 li jgħid b’mod ċar li l-GWU ma tistax tikri jew tbigħ il-binja tagħha fil-Belt Valletta lil entità li hi m’għandiex aktar minn 51% shareholding tagħha. Hu ppreżenta mistoqsija parlamentari li ġiet imwieġba mill-Ministru Konrad Mizzi li fiha joħroġ ċar li l-azzjonisti tal-Arms huma biss l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.Hu għamel referenza għar-rappurtaġġ tal-atteġġjament tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb mal-ġurnali lokali. “Dan mhux atteġjament ta’ bniedem li suppost jirrapreżenta lill-ħaddiema. Jien ninsisti biex toħroġ il-verità dwar din il-kirja,” sostna Jason Azzopardi.

Minn naħa tiegħu, Ryan Callus qal li d-Dipartiment tal-Artijiet sar pedina għall-Gvern, tant li matul is-sena li għaddiet, rajna sensiela ta’ kuntratti jinkisru sfaċċatament. Dan waqt li fl-istess ħin, dak li suppost huwa l-gwardjan tal-artijiet jibqa’ sieket, jew saħansitra jaġevola lil min jikser il-kuntratt. Fost l-oħrajn, hu semma l-każ tal-Australia Hall u dak tal-Cafe’ Premier.

Hu fakkar li bħalissa, l-GWU qed tkun iżolata fl-argumenti tagħha – kemm dwar il-monti tal-Belt kif ukoll dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Filwaqt li s-soċjetà ċivili qed taqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, jiġifieri li l-monti tal-Belt m’għandux ikun ħdejn il-bini tal-Parlament il-ġdid u li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għandhom jorħsu b’mod immedjat u b’mod sostanzjali, l-GWU qed tkun l-uniku entità li tiddefendi l-pożizzjoni tal-Gvern.

Ryan Callus staqsa għalfejn il-GWU mhix issemma leħinha kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat li qed jikser il-wegħda tiegħu stess mal-ħaddiema tal-Enemalta, li kienu mwegħda li mhux se jinbidlulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-take home pay.

More in Politika