Il-PN jgħid li l-Gvern għolla t-tariffi ta’ aktar minn 400 servizz

Dawn m’huma xejn għajr żieda f’taxxi - Claudio Grech

Dawn m’huma xejn għajr żieda f’taxxi - Claudio Grech
Dawn m’huma xejn għajr żieda f’taxxi - Claudio Grech

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet tliet proposti konkreti bil-għan li l-Gvern inaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-ekonomija. Dan fid-dawl li fil-budget li għadda, l-Gvern żied it-tariffi ta’ aktar minn 400 servizz tal-Gvern, b’żieda medja ta’ 10%.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech qal li dawn m’huma xejn għajr żieda f’taxxi. Claudio Grech qal li huwa kontradittorju li filwaqt li fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern kien qiegħed iwiegħed li jrid inaqqas il-burokrazija, il-Parlament kellu quddiemu liġi li permezz tagħha, kien qiegħed iżid it-tariffi tas-servizzi tal-Gvern. Huwa evidenti, sostna Claudio Grech, li dawn it-taxxi ġodda m’humiex motivati mill-effiċjenza jew mit-titjib fis-servizzi tal-Gvern, iżda mhux sempliċiment intenzjonati biex ikopru ż-żieda fl-ispiża tal-Gvern. “Il-poplu qiegħed iħallas aktar għall-istess servizzi,” sostna Claudio Grech.

Hu qal li dan il-modus operandi m’huwiex sinonimu ma’ kif għandu jiġi amministrat settur pubbliku modern u innovattiv. Bl-għodda u l-ħiliet li jeżistu llum, pajjiżna jista’ jkun minn ta’ quddiem nett f’dik li għandha x’taqsam ma’ effiċjenza, mhux li jfittex li jirkupra l-ispiża tal-ineffiċjenza billi jżid it-taxxi.

F’dan l-ambitu, l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iressaq fil-Parlament qafas ta’ tliet proposti intiżi biex :

1. Jitwaqqaf Working Group kompost minn rappreżentanti tal-korpi kostitwiti sabiex dawn ikunu jistgħu jiflu impact assessment fuq kull żieda f’tariffi amministrattivi. L-ebda żieda m’għandha ssir mingħajr konsultazzjoni xierqa.
2. Dawk is-servizzi li huma offruti fuq is-sistemi tal-eGovernment għandu jitnaqqsilhom il-ħlas tagħhom sabiex dejjem aktar ċittadini u intrapriżi jitħajru jużaw dawn is-servizzi, b’riżultat li titnaqqas l-ispiża operazzjonali tal-Gvern.
3. Il-Gvern għandu jagħmel miri ċari sabiex is-servizzi amministrattivi li jinvolvu tranżizzjoni finanzjarja jew sottomissjoni ta’ informazzjoni kollha jibdew jingħataw permezz tas-sistemi tal-eGovernment.

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern Ċensu Galea staqsa kemm qed jagħmel introjtu l-Gvern minn din iż-żieda fit-taxxi. Hu qal li jekk f’pajjiżna rridu li verament titnaqqas il-burokrazija u li l-piż amministrattiv jitħaffef minn fuq iċ-ċittadini u l-intrapriżi, hemm bżonn li l-isforzi tagħna jkunu iffukati fuq kif nistgħu nagħmlu aktar b’anqas spiża u mhux sempliċiment billi l-Gvern ifittex li jkopri ż-żieda fl-ispiża tiegħu billi jintaxxa lill-poplu.

More in Politika