L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova r-restawr ta’ Rialto u l-bini ta' sular ieħor fuqu
Il-proġett se jinkludi teatru ġdid, restorant, spazju fuq is-saqaf għal diversi attivitajiet, klabb soċjali marbut mal-binja, ħwienet u lukanda żgħira

minn Marianna Calleja

Il-Planning Authority (PA) approvat il-pjanijiet għal żvilupp u restawr mill-ġdid tat-Teatru Rialto tal-Partit Laburista f’Bormla. Il-proġett se jinkludi teatru ġdid, restorant, spazju fuq is-saqaf għal diversi attivitajiet, klabb soċjali marbut mal-binja, ħwienet u lukanda żgħira li se tkun marbuta ma’ townhouse fil-viċin.
Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li kien inawgura l-binja eżistenti fl-1956 u spiss indirizza partitarji Laburisti f’dan il-post, oġġezzjonat bil-qawwa għal dan il-proġett.
F’isem għadd ta’ NGOs lokali u nazzjonali, fosthom Moviment Graffitti, Mintoff wriet tħassib dwar in-nuqqas ta’ spazju għall-parkeġġ, iż-żieda fit-traffiku, u kif l-iżvilupp tal-ġdid saqaf ma jaqbilx mal-armonija tal-madwar.
AQRA WKOLL: 'Ir-Rialto ma jistax ikun ċinema biss għax ma jkunx sostenibbli' - Marc Zimmermann
“Dan huwa żona residenzjali fil-qalba ta’ Bormla. Aħna mhux kontra r-restawr ta’ din il-binja maestuża, iżda dan huwa żvilupp kummerċjali massiv li se jwassal għal konġestjoni serja,” wissiet Mintoff waqt il-laqgħa tal-PA.
Mintoff esprimiet ukoll id-diżappunt tagħha li ma sar l-ebda valutazzjoni tal-impatt soċjali għal proġett ta’ dan id-daqs. Minkejja li rrikonoxxiet li l-użu ta’ mezzi alternattivi tat-trasport jista’ jkun ta’ għajnuna, saħqet li ħafna nies “xorta jippreferu jużaw il-karozza privata tagħhom.”
AQRA WKOLL: Minn teatru jew ċinema għall-mużew iddedikat għal Mintoff; Ir-Rialto mill-lenti tal-Bormliżi
Studji u t-tħassib dwar it-Traffiku
Studju ppreżentat mill-konsulenti tal-iżviluppaturi nnifsu wera li l-ispazju fuq is-saqaf tal-binja jista’ jilqa’ sa 300 ruħ waqt avvenimenti, li se jiġġenera 337 vjaġġ bil-karozza ’l ġewwa u ’l barra u 120 spazju għall-parkeġġ li mhumiex previsti fuq is-sit minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu.
L-istess studju, imħejji minn ADI, jirrakkomanda li l-patruni jiġu inkoraġġiti jużaw taxi, trasport kondiviż u trasport bil-baħar. Ġie suġġerit ukoll il-ħolqien ta’ sistema ta’ park-and-ride.
Il-proġett ġie approvat mill-PA mingħajr feedback minn Transport Malta.
Filwaqt li Mintoff opponiet il-proġett, is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, laqa’ l-proposta bħala “pass ’il quddiem li jagħti nifs ġdid lill-lokalità.” Madankollu, esprima tħassib dwar it-tniġġis akustiku u appella lill-iżviluppaturi biex jindirizzaw it-tħassib tar-residenti.
L-arkitett tal-proġett spjega miżuri dettaljati biex jonqsu l-ħsejjes, inkluż l-użu ta’ aperturi bi tliet saffi tal-ħġieġ u barriera oħra tal-ħoss. Assigura wkoll li l-attivitajiet fuq is-saqaf se jsiru f’sala magħluqa. Barra minn hekk, semma li s-saqaf tal-asbestos eżistenti se jitneħħa bl-ispiża tal-iżviluppatur.
AQRA WKOLL: Editorjal | Ir-Rialto - opportunità tad-deheb għal Bormla!
Romano Cassar, rappreżentant ta’ NGO, kien l-uniku membru li vvota kontra l-proġett. Waqt li laqa’ l-irrestawrar tal-binja storika tal-grad 2, hu oppona l-iżvilupp fuq is-saqaf u n-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt soċjali.
Minkejja l-oġġezzjonijiet, is-Superintendence of Cultural Heritage tat is-siġill tagħha lill-proġett, billi nnutat li s-saqaf il-ġdid “se jirrifletti l-istil u d-dehra tas-saqaf storiku,” u ddeskriviet l-iżvilupp bħala “intervent aċċettabbli” fid-dawl tal-kontribut tiegħu għall-użu xieraq tal-propjetà skedata.
Il-Partit Laburista kien ħareġ sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-operat tat-teatru fl-2022, fejn Rialto Operations Ltd rebħet l-offerta. Din il-kumpanija hija 90% proprjetà ta’ GP Borg Holdings Limited, fornitur tal-konkos, filwaqt li l-avukat Charlon Gouder, Kap Eżekuttiv tal-lobby tas-sajd tat-tonn f’Malta, għandu sehem ta’ 10%.

