Editorjal | Ir-Rialto - opportunità tad-deheb għal Bormla!

Jixraq li r-Rialto tkun simbolu ta' progress mhux ta' rgħiba!

Għat-tielet darba fuq il-gazzetta ILLUM erġajna rrapportajna dwar ir-Rialto - binja prominenti f'Bormla li ilha mitluqa u bi ftit użu għall-aħħar snin. Din il-proprjetà hija tal-Partit Laburista u skont l-espressjoni ta' interess se tibqa' tkun, imma se tiġi kummerċjalizzata. 

Ir-Rialto u dak li jseħħ minn din il-binja protetta għandu jservi ta' ftit tama f'baħar ta' aħbarijiet u informazzjoni dwar binjiet antiki u ta' karattru li qed jitwaqqgħu u minflok jitilgħu blokok, ħdejn blokok, ħdejn blokok ta' appartamenti. Dak li jseħħ minn din il-binja enormi għandha wkoll tkun riflessjoni tar-riġeneraazjoni li diġà saret fil-Kottonera u dik li għad irid issir - biex din iż-żona ssir il-veru ġawhra li hi.

It-titjib li sar fil-Birgu u Bormla b'mod speċjali fl-aħħar 15-il sena kien wieħed kbir - titjib infrastrutturali, tisbiħ tal-Birgu Waterfront u t-tneħħija tal-Baċir numru wieħed, li għal min jiftakar kien jinfired minn Bormla b'ħajt twil, ikrah u bla ħajja. Illum is-swidija tal-industrija u l-ħitan twal, infetħu f'mixja msaġġra u mill-isbaħ, b'yacht marina u bil-binja dilapidata tal-baċir tiġi restwarata b'mod li tista' titgawda minn dawk kollha li jżuru din il-belt. Ħasra li l-AUM ma kinitx is-suċċess li wieħed stenna - forsi mhux eżattament b'sorpriża kbira - pero tal-inqas fid-dehra din iż-żona rat progress fenomenali. Għall-ewwel darba fi snin u ġenerazzjonijiet rajna lin-nies jinvestu fil-Kottonera, jiftħu ristoranti, bottegini u anke lukandi żgħar, jirrestawraw djar u palazzini u rajna lit-turisti u lill-Maltin jagħżlu lill-Kottonera bħala destinazzjoni għal xi ikla jew xi festival bħal Birgu by Candle Light. 

Imma għad fadal ħafna xi jsir. 

Għalhekk dan il-proġett m'għandux ikun opportunità moħlija. Ikun żball enormi jekk post bħal dan ikun biss bħal ċentri oħrajn tax-xiri f'ħafna postijiet oħrajn madwar il-pajjiż. Minflok mort Ħal Qormi jew il-Mosta, mort Bormla. Din il-binja għandha preġju akbar minn dan - għandu jkun hemm element ta' kummerċ flimkien ma' element innovattiv ta' arti, kultura u storja - anzi għandu jkun iċ-ċentru ta' dak kollu artistiku u storiku li hemm fit-tliet ibliet. Il-binja li tgħaqqad tliet bliet tant viċin xulxin, tant sbieħ imma fl-istess ħin tant differenti fil-karatteristika u tant f'kompetizzjoni ma' xulxin fuq ir-regatta u l-festi! 

Minkejja li hija "ta' Bormla" bi dritt - ma hemm xejn li għandu jneħħi milli din il-binja tkun  mhux biss "tal-Kottonera" imma "ta' Malta" wkoll.  Post li fih kull turist li jmur il-Kottonera jrid iżur biex jifhem, jitgħallem u japprezza aktar l-istorja rikka ta' Bormla, l-Birgu, l-Isla u anke l-Kalkara. 

Għandu jkun post ukoll - għaliex le? - li jkompli jgħolli l-valur tal-proprjetajiet f'Bormla għax allura jkompli jattira aktar u aktar nies li jixtiequ jmorru jgħixu f'din il-belt, jew dawk tal-madwar.

Mil-lat politiku, minħabba li din il-proprjetà hija tal-Partit Laburista jkun ġest sabiħ u apprezzat mhux biss mill-poplu tal-Kottonera, imma minn dak Malti - kieku din il-binja hekk kbira tingħata lura għat-tgawdija u l-ammirazzjoni tal-poplu fi proġett li jkun verament "tagħna lkoll". Ikun kumpens ċkejken ta' snin fuq snin ta' abbandun fil-Kottonera u snin fuq snin ta' art u binjiet tal-poplu li jiġu abbużati u jintużaw biss biex xi ħadd iħaxxen butu, art li ngħatat bir-ribass u esproprijazzjonijiet oxxeni! 

Jixraq li r-Rialto tkun simbolu ta' progress mhux ta' rgħiba! 

Hekk jixraq. U hekk għandu jkun!

More in Politika