Minflok nifhmu kif jaħsbu, jaħsbu biex ma nifhmu xejn

Lil hinn mill-fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna kultura fiż-żewġ partiti li kemm jista’ jkun id-diskussjoni bejn il-kompetituri tkun regolata u klinika, dawn ir-regolamenti jkomplu jikxfu l-kultura miskina tal-politika Maltija

Meta partit politiku jitlob il-fiduċja tan-nies, importanti li n-nies ikunu jafu x’jistgħu joffru. U għalhekk kull forma ta’ ċensura biex ma nkunux nafu kif jaħsbuha tmur kontra l-loġika tat-trasparenza fil-politika.  

Qed nitkellmu hawn fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li jimponi regoli fuq kif u fejn u meta jistgħu jitkellmu Adrian Delia u Alex Borg. Fost ir-regoli imposti hemm ordni li ma jkunx hemm dibattitu bejn il-kandidati u li wara li dawn jgħaddu mill-proċess ta’ due diligence, dawn jitkellmu biss fuq il-mezzi tal-Partit Nazzjonalista. Hemm regoli oħrajn bħal pereżempju li ma jistax ikun hemm referenza għall-kandidat avversarju. 

Lil hinn mill-fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna kultura fiż-żewġ partiti li kemm jista’ jkun id-diskussjoni bejn il-kompetituri tkun regolata u klinika, dawn ir-regolamenti jkomplu jikxfu l-kultura miskina tal-politika Maltija. 

Illum għandha tiġrija bejn żewġ kandidati li huma viċin xulxin immensament. Politikament jidhru li jaħsbuha l-istess. Forsi l-uniku ħaġa differenti huma n-nies li qed jappoġġjawhom u l-età. Anzi, meta nisimgħu kummenti mingħandhom naraw li ftit li xejn iridu jikkritikaw lil xulxin.  

Qed nitkellmu hawn fuq kap ta’ partit politiku b’individwi li jaspiraw li jmexxu, mhux biss il-partit politiku tagħhom, iżda anki lil Malta. Huwa fl-interess tagħna li nistaqsu u naraw kif jaħsbuha. Huwa fl-interess tagħna li nkunu nafu kif jittrattaw is-suġġetti u l-argumenti. Irridu naraw kemm huma, pereżempju, konservattivi, favur jew kontra l-ambjent, jew inkella kemm huma apoloġetiċi lejn in-negozji l-kbar. 

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista missha tistħi. Il-mod kif aġixxew hija xhieda kemm verament bqajna lura fil-ħsieb kritiku jew inkella n-nuqqas kbir ta’ apprezzament għall-politika moderna. 

Imma ma naħsbux għal mument li din hija marda ristretta għall-Partit Nazzjonalista. Dawk fil-Partit Laburista li qed jippruvaw jiskurjaw xi punti fuq din il-kwistjoni għandhom jiftakru li f’ħames snin Robert Abela qatt ma aċċetta dibattitu ħaj u ħieles mal-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, ħlief għal xi dibattitu bla fjakkoli tal-awtorità tax-xandir. Lanqas ma kien hemm xi dibattitu ħaj bejn Chris Fearne u Robert Abela.  

Il-kultura li l-partiti jridu jikkontrollaw kollox, bil-ħsieb kritiku b’kollox, lilna tinkwetana bil-kbir. Xogħolna hu sempliċi … irridu nagħmlu x-xogħol li huma jiddejqu jagħmlu. 

 

 

L-applikazzjoni għal-lukanda ġoċ-ċentru storiku tan-Naxxar ħadet żvolta oħra. Għax issa sirna nafu li l-kumitat li jagħti pariri fuq id-disinn fl-Awtorità tal-Ippjanar għamel suġġeriment biex il-bini propost jinżebagħ kulur skur biex ma jkunx hemm impatt daqstant negattiv.  

Hija proposta jew inkella l-ħsieb li jwassalna biex nidħku flok nibku. Għax f’din il-proposta naraw il-mod kif taħseb l-Awtorità tal-Ippjanar: li l-problema ta’ żvilupp esaġerat mhijiex l-impatt negattiv ambjentali u soċjali fuq ir-residenti imma d-disinn jew il-kulur. 

Minflok kunsiderazzjoni għall-iskyline taċ-ċentru storiku li se jitkompla jiġi rovinat, dan il-kumitat joħroġ b’suġġeriment li nbiddlu l-kulur. 

Bejn il-mod kif taħseb il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u l-kumitat għad-disinn fl-Awtorità tal-Ippjanar għandna biex nitkbu kummiedja traġika sħiħa. 

More in Politika