
Malta qed titlef ir-ruħ tagħha
Sumaya Ben Saad hija arkitett u membru tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Momentum

Imxi fit-toroq dojoq ta’ kwalunkwe belt jew raħal Malti, u ssib il-fdalijiet ta’ dinja mibnija b’għożża: gallariji tal-ġebla tal-franka mnaqqxa, poġġamani tal-ħadid maħdum, u persjani tal-injam magħtuba bix-xemx u l-melħ tal-baħar. Dawn il-binjiet huma xhieda ħajja ta’ sekli ta’ sengħa, reżiljenza u kburija nazzjonali.
Iżda llum, dawn it-teżori arkitettoniċi qed jisparixxu. Minflokhom, qed jitilgħu torrijiet tal-konkrit bla ruħ, frott ta’ żvilupp bla direzzjoni, waqt li l-memorja ta’ min aħna verament dejjem tonqos. Malta mhux biss qed taffaċċja kriżi tad-djar imma qed tħabbat wiċċha ma’ estinzjoni kulturali. Il-wirt mibni tagħna, li darba kien ir-ruħ tal-komunitajiet tagħna, qed jinbidel fi blokok sterili. Bih, qed nitilfu wkoll l-identità li tagħmel lil din il-gżira unika.
Il-problema hija kemm ekonomika kif ukoll kulturali. Ir-restawr ta’ dar tradizzjonali jista’ jiswik daqs, jekk mhux iktar, li tibni dar mill-ġdid. Imma d-differenza tinsab li, f’restawr ta’ dar, ħafna mill-ispejjeż imorru fil-ħidma, filwaqt li n-nefqa tal-binja ġdida tmur fil-materjali. Dan jirriżulta f’opportunità: jekk nerġgħu ninvestu fis-snajja’ tradizzjonali u nittrattawhom bħala professjonijiet vitali u sostenibbli, nistgħu nnaqqsu l-ispejjeż fit-tul u nsalvaw il-wirt tagħna.
Sfortunatament, is-sistema bħalissa tiskoraġġixxi dan il-mudell. L-artiġjani qed jisparixxu b’rata mgħaġġla. Il-bennejja qed jitħarrġu biex iferrgħu konkrit biss, mhux biex isewwu ġebel antik jew ħnejjiet qodma. Il-periti spiss ma jingħatawx biżżejjed għodda jew inċentivi biex jipproponu r-rotta tar-restawr — speċjalment meta jkunu magħfusa mill-klijenti b’baġit limitat, f’realtà fejn il-prezz tal-art jibqa’ jispara ’l fuq. Imma l-preservazzjoni mhix biss dwar ġebel u njam iżda dwar kif nibnu, kif ngħixu u x’wirt irridu nħallu warajna.
Id-djar Maltin tradizzjonali ma kinux iddisinjati biss biex jidhru sbieħ. Is-sbuħija tagħhom kienet frott tal-funzjonalità u l-għaqal. Għamlu użu minn ġebla tal-franka għall-kwalitajiet termali tagħha, btieħi interni li jippermettu ventilazzjoni naturali, u proporzjon uman li jħalli sens ta’ kumdità. Kienu maħdumin biex jgħixu għal dejjem, u għalhekk jirriflettu valuri ta’ skop u permanenza li ma jgħaddix żmien minnhom.
Illum, din il-filosofija qed tintilef. Il-ġebla tal-franka ħafna drabi tintuża biss bħala dekorazzjoni, mingħajr ebda sens jew funzjoni. L-għarfien li darba sawwar il-bliet tagħna issa qed jiġi mibdul f’estetika superfiċjali. Mhux biss qed nitilfu s-sbuħija tal-ambjent mibni, imma qed nitilfu mod ta’ ħajja — wieħed ibbażat fuq klima, komunità, u sengħa. Minflok, għandna sistema li tippremja l-għaġla, il-volum u l-profitt, aktar milli l-għaqal u l-identità.
Dan kollu mhux każwali. Il-politici tagħna jippremjaw il-qerda: tnaqqis fit-taxxa għal bini ġdid, waqt li l-appoġġ għar-restawr huwa limitat, inkonsistenti u spiss imxekkel mill-burokrazija. Propjetajiet vojta jibqgħu mitluqa għal snin, staġnati f’kawżi legali jew protetti minn sistema ta’ taxxa ineffettiva. Sadanittant, l-iżviluppaturi jibnu aktar, ogħla u saħansitra jkomplu jżidu pressjoni fuq l-infrastruttura ... u kultant jagħtu lok għal traġedji li jħallu feriti eterni fi qlub il-poplu.
Għalkemm għad hemm tama. Għad mhuwiex tard biex nibdlu r-rotta.
Jeħtieġ li nimmaġinaw mill-ġdid il-politika u l-prijoritajiet tagħna. Is-sengħa f’Malta għandha bżonn qawmien mill-ġdid, b’investiment sinċier fil-ħiliet tal-ħaddiema sabiex ikunu kapaċi jibnu u jirrestawraw dak li jagħmel pajjiżna speċjali. Dan għandu jibda b’finanzjament serju għat-taħriġ fis-snajja’ u r-restawr: mill-bennejja tal-ġebel sal-periti tar-restawr. Korsijiet tas-sengħa għandhom jingħataw l-istess valur bħall-korsijiet universitarji, u jkunu appoġġjati minn negozjanti serji li jqanqlu industrija ġdida mibnija fuq il-wirt.
Anki s-sistema tat-taxxa għandha tevolvi. Il-kostruzzjoni ġdida m’għandhiex tibqa’ l-aktar triq profittabbli. Ir-restawr għandu jsir għażla vijabbli permezz ta’ sussidji, krediti tat-taxxa, u proċessi ta’ ppjanar aktar sempliċi. Proprjetajiet abbandunati għandhom jitħallsu t-taxxa fuqhom jekk jitħallew mitluqa, biex iħeġġu lis-sidien jirrestawrawhom jew jagħmluhom disponibbli għall-użu.
Jeħtieġ ukoll li nibdlu l-mod kif naħsbu dwar l-akkomodazzjoni. Minflok inkomplu nibnu aktar u ogħla, xi ħaġa li Malta la għandha l-art, la l-infrastruttura, u lanqas il-bżonn għaliha, għandna niffukaw fuq l-użu riċiklat ta’ dak li diġà għandna. Dan mhux biss ifisser restawr, iżda ritorn lejn prinċipji li darba għamlu l-arkitettura tagħna għaqlija: disinn b’sens, rispons għall-klima, u rispett għall-materjali u għall-ambjent.
Nistgħu nimmaġinaw futur fejn townhouses miżmuma jitħalltu ma’ djar ġodda mibnija b’mod sensittiv — fejn il-wirt tal-imgħoddi jgħix flimkien mal-innovazzjoni tal-lum. Dan mhux biss jindirizza l-kriżi tad-djar u l-iżvilupp bla rażan, iżda wkoll isalva r-ruħ tal-komunitajiet tagħna.
Il-qawmien mill-ġdid tal-artiġjanat Malti mhuwiex nostalġiku. Huwa meħtieġ: għall-ekonomija, għall-kultura u għas-sostenibbiltà. Il-bini antik baqa’ jissielet u jgħix matul għadd ta’ imperi. Ejjew inħalluh jgħix wara li nispiċċaw aħna ukoll.