L-elettorat li mhux se jivvota jibda juri fejn qed ixaqleb

Dawk li qed jgħidu li mhux se jivvotaw, simili fil-ħsieb tal-votant Nazzjonalist 

Fost 20% jew 60,000 tal-elettorat li qed jgħidu li mhux se jivvotaw, joħroġ ċar li l-inkwiet tagħhom huwa simili għal dak li qed jinkwieta lill-votant Nazzjonalist. In-Nazzjonalist, b’differenza mill-Laburist, jinkwieta aktar fuq il-popolazzjoni li qed tesplodi, eżatt bħall-votant li qed jgħid li ma jridx jivvota. Din il-figura infatti titla’ għal 30.4%.  

It-tieni l-akbar tema li tinkwieta lill-elettorat li qed jgħid li mhux se jivvota hija t-traffiku bi 18.2%, imbagħad l-inflazzjoni b’10.9%, u l-ħaddiema barranin b’10.8%. L-uniku differenza minn dawk li jgħidu li se jivvotaw PN hi li dawk li ma jridux jivvutaw mhumiex daqstant ikkonċernati mill-korruzzjoni (8.7%), u dwar l-inkonvenjent tal-kostruzzjoni u l-ambjent. Dawk li huma verament imħassba minn dawn is-suġġetti huma pparkjati fil-partiti ż-żgħar. 

Dan joħroġ mis-sondaġġ tal-MaltaToday li qed joħroġ illum u qed jiġi ppubblikat fil-gazzetta oħt MaltaToday, dwar dak li l-iktar jinkwieta lin-nies. Is-sondaġġ jindika b’mod sottili li l-elettorat li qed jgħid li mhux se jivvota jekk jagħżel li jieħu pożizzjoni, iktar hemm ċans li jintefa’ wara l-bandiera tan-Nazzjonalisti. Issa wieħed irid jara kemm se jkun kapaċi Alex Borg jinfluwenza lil dan it-tip il-votant, jew jekk dan il-votant li qed jgħid li mhux se jivvota hux tassew li ħa jagħmel il-pass li jpassi fil-bejta tal-PN. 

Is-sondaġġ tal-MaltaToday jindika wkoll li l-inkwiet dwar popolazzjoni u traffiku jibqa’ għoli fil-kategoriji kollha, u jidher li dan l-inkwiet huwa xprunat, mhux minn perċezzjoni, imma esperjenza reali. Fuq kollox, il-fatt li 20% tal-elettorat huwa viċin ħafna, dak li qed jinkwieta lill-votant Nazzjonalist għandu jinkwieta mhux ftit lill-kamp Laburista li, filwaqt li ħareġ rebbieħ f’kull sondaġġ, f’dawn l-aħħar elezzjonijiet naqqas fin-numru reali ta’ persuni li tefgħu l-vot tagħhom lill-Partit Laburista. 

 

More in Politika