Editorjal | Malta ma tiflaħx għal aktar mistoqsijiet

Dan huwa proċess li diġà qed jiżvela saff wara l-ieħor ta’ storja li għal kważi disa’ snin ħalliet warajha numru enormi ta’ mistoqsijiet. Il-ġurija diġà semgħet xhieda kuntrastanti, il-kontroversji madwar ir-rakkonti ta’ diversi xhieda, il-konnessjonijiet bejn persuni differenti u l-mod kif informazzjoni dwar il-qtil kienet tgħaddi minn persuna għal oħra. 

Il-proċess ġudizzjarju kontra Yorgen Fenech m’għandux jintemm sempliċement b’verdett. Għandu jintemm b’konklużjoni tant soda, ċara u bbażata fuq l-evidenza li ma tħalli l-ebda lok għal dubji raġonevoli dwar dak li ġara, min kien involut u x’kien il-motiv wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Dan huwa proċess li diġà qed jiżvela saff wara l-ieħor ta’ storja li għal kważi disa’ snin ħalliet warajha numru enormi ta’ mistoqsijiet. Il-ġurija diġà semgħet xhieda kuntrastanti, il-kontroversji madwar ir-rakkonti ta’ diversi xhieda, il-konnessjonijiet bejn persuni differenti u l-mod kif informazzjoni dwar il-qtil kienet tgħaddi minn persuna għal oħra. 

F’dawn il-ġimgħat reġgħet tpoġġiet fuq il-mejda wkoll ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, li baqa’ jinsisti li Fenech kien l-uniku moħħ wara l-assassinju, kif ukoll ir-recordings li, skont Theuma, salvawlu ħajtu. Fl-istess waqt, ix-xhieda ta’ Adrian Vella qajmet aktar mistoqsijiet dwar il-komunikazzjoni u l-kuntatti bejn nies qrib Fenech u oħrajn li kienu f’pożizzjonijiet ta’ poter. 

U din hija ta’ importanza enormi f’dan il-proċess. 

Jekk fl-aħħar tiegħu jibqa’ sensazzjoni li xi biċċiet tal-puzzle ma ngħaqdux, li xi xhieda ma ġietx spjegata, li xi kontradizzjoni tħalliet imdendla jew li xi rabta importanti ma ġietx investigata biżżejjed, il-verdett waħdu mhux se jkun biżżejjed biex jagħlaq il-kapitlu. Għall-kuntrarju, se jnissel aktar mistoqsijiet. 

Il-qtil ta’ Daphne ma kienx sempliċi każ kriminali. Kien assassinju ta’ ġurnalista li kienet qed tinvestiga allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u rabtiet ta’ poter u negozju. Il-ġurija qed tisma’ wkoll kif Daphne kienet qed taħdem fuq investigazzjonijiet marbuta mal-Electrogas u kif Fenech kien jinsab fiċ-ċentru ta’ ħafna mill-informazzjoni li kienet qed tinġabar. 

Għalhekk, il-familja Caruana Galizia għandha dritt għall-ġustizzja. Iżda Malta kollha għandha dritt għall-verità. 

Il-pajjiż ma jistax jibqa’ għaddej b’sens ta’ suspett permanenti dwar wieħed mill-aktar delitti politiċi u kriminali xokkanti fl-istorja riċenti tagħna. Ma nistgħux nibqgħu nistaqsu min kien jaf xiex, min tkellem ma’ min, min seta’ waqqaf dak li ġara u għaliex ċerti affarijiet qatt ma ħarġu fid-dawl. 

Il-ġurija għandha tagħti l-verdett tagħha fuq l-evidenza li għandha quddiemha. Iżda l-istituzzjonijiet kollha għandhom ir-responsabbiltà li ma jħallu xejn li jista’ jqajjem iktar mistoqsijiet leġittimi. 

Għax il-verità mhix biss kwistjoni ta’ kundanna jew liberazzjoni. Hija l-uniku pedament li fuqu familja tista’ tibda tfiq, u pajjiż jista’ jibda jagħlaq kapitlu li ħalla ferita miftuħa għal kważi disa’ snin. 

Malta għandha bżonn konklużjoni li ma tħallix aktar dellijiet. Konklużjoni li ma toħloqx mistoqsijiet ġodda. Konklużjoni li tagħti ġustizzja lil Daphne, serħan lill-familja tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, ftit fiduċja lura lil pajjiż li tilef ħafna minnha. 

More in Politika